Il-Moviment Kana fi stqarrija esprima l-opinjoni tiegħu dwar il-legalizazzjoni tal-Morning After Pill.
Stqarr li d-dibattitu fuq is-suġġett għandu jkun informat u jsir fid-dawl tal-fatti xjentifiċi. Qalu wkoll li d-dritt tal-ħajja huwa l-ogħla dritt fundamentali u fil-prinċipju jisboq kull dritt ċivili. Filwaqt li l-Moviment Kana huwa favur id-dinjità sħiħa tal-mara u jaqbel li l-mara għandha jkollħa għarfien u kontroll dejjem akbar tas-saħħa riproduttiva tagħha, dan b’ebda mod ma jiżboq id-dritt tal-ħajja tal-aktar vulnerabbli.
Il-Moviment Kana qal li l-ħajja tibda mil-mument tat-tnissil. Jemmen li l-morning after pill li għandha l-effett li tipprevjeni l-ovulazzjoni jew il-fertilizzazzjoni hija kontraċettiva, filwaqt li jfakkar li hemm tip ieħor ta’ morning after pill li tinterrompi l-ħajja wara t-tnissil, hija abortiva.
“Kull ħajja għandha tiġi trattata b’dinjità u jistħoqqilha protezzjoni sħiħa sa mit-tnissil. Għalhekk l-użu tal-MAP f’ċirkustanzi fejn għandha effetti abortivi m’għandux ikun legalizzat. Huwa d-dover tal-Gvern u ta’ kull leġislatur biex ikompli jaħdem favur il-ħajja” temm jgħid il-moviment.