Il-pagi tal-għalliema f’Malta jiċċaqalqu kull sena riżultat ta’ żewġ ftehimiet kollettivi li kienu ffirmati mal-Gvern fl-aħħar snin. Dan b’kuntrast mas-sitwazzjoni f’numru sostanzjali ta’ pajjiżi Ewropej fejn m’hemmx mekkaniżmu li b’mod awtomatiku jżid il-pagi kull sena.
Żvela dan kollu rapport tal-Unjoni Ewropea li analizza il-qagħda tal-għalliema f’pajjiżi Ewropej. Il-gazzetta Kullħadd spjegat kif fis-sena 2017/2018 kien hemm disa’ pajjiżi Ewropej li raw tnaqqis fis-salarji tal-għalliema. F’Malta, jgħid ir-rapport, kien hemm żieda sinifikanti fis-salarji tal-għalliema. Id-Danimarka, l-Iżvezja u l-Iżlanda li wkoll raw titjib sostanzjali riżultat ta’ ftehim kollettiv għall-għalliema. Fil-każ ta’ Malta nħass ukoll l-effett pożittiv għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, iddikjara li x-xewqa tiegħu tibqa’ li dan il-Gvern ma kellux jibda jinnegozja mal-għalliema wara li kienu tħallew tant lura.
Ir-rapport iġib fix-xejn rapporti fil-midja lokali li s-salarji f’Malta huma l-agħar fl-Ewropa. Imqabbla ma’ pajjiżi ġirien, salarji f’Malta huma ħafna aħjar minn dawk fil-Greċja u fl-istess ilma tal-Italja. L-għalliema fi Franza għandhom salarji ftit ogħla iżda l-istess rapport isemmi kif meta wieħed iqis kemm hija r-rata ta’ taxxa, għalliem f’Malta jieħu kważi daqs kollega fi Franza.
Ta’ min jinnota li filwaqt li fl-2017 għalliem fi skala 7 kien jieħu ftit inqas minn €27,000 jekk ikun ilu 20 sena jgħallem fl-2021 dan se jkun tela’ għal €34,500. Żieda ta’ €6,500. F’każ li wieħed ma jkunx ilu 20 sena jgħallem id-differenza se tkun ta’ €2,000 inqas.
Dan għax il-ftehim kollettiv il-ġdid introduċa allowance ta’ €2,000 fis-sena għal dawk li ilhom iktar minn 20 sena għalliema. Għall-ewwel darba daħlu wkoll dawk magħrufa bħala Work Resources li bdew minn €350 fis-sena s-sena li għaddiet u sal-2021 ikunu telgħu għal €700.
Minkejja dan, meta tkellem fil-Parlament din il-ġimgħa l-Ministru Bartolo kien sensittiv ħafna għall-isfidi u l-ħtiġijiet tal-għalliema fid-dinja tal-lum, anke jekk dan ir-rapport juri li Malta għandha fost l-inqas sfidi f’dak li hu numru ta’ għalliema.
Konxju minn dan kollu l-Ministeru għall-Edukazzjoni mistenni jħabbar ukoll għadd ta’ miżuri b’rabta mas-sigurtà u l-imġiba fl-iskejjel.