Il-President ta’ Malta George Vella tkellem dwar l-immigrazzjoni u l-kriżi tar-refuġjati fil-Mediterran, u l-importanza tal-prinċipju tas-solidarjetà fost il-pajjiżi milquta, bħall-Greċja, l-Italja u Malta, biex ma jitħallewx ifendu għal rashom.
Fil-laqgħa tal-Arraiolos f’Ateni l-Greċja, il-President Vella sostna li l-pajjiżi li jinsabu fil-fruntiera ma jistgħux jibqgħu jitħallew waħedhom isolvu kull każ individwalment.
Dan anke fid-dawl tal-kriżi li qed tiżviluppa fit-Turkija, li qed thedded li tiftaħ il-fruntieri tagħha bil-possibilita li iktar minn 3 miljun ruħ jaqsmu lejn l-Ewropa.
Vella qal kif “Kien hemm appell biex kemm jista’ jkun l-immigranti ma jintużawx bħala għodda ta’ theddid fil-politika imma jiġu kkunsidrati bħala nies kif fil-fatt huma.”
Il-President Grieg Prokopis Pavlopoulos iddeskriva l-irwol ta’ Malta fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni bħala eżemplari filwaqt li diversi presidenti oħra rreferew għad-Dikjarazzjoni ta’ Malta dwar l-Immigrazzjoni bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba.
Fl-ewwel laqgħa tal-Arraiolos mindu nħatar President, Dr Vella enfasizza li l-valuri tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari t-tolleranza, l-ugwaljanza u d-drittijiet fundamentali, għandhom jibqgħu l-bażi tal-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea. Dan intqal ukoll fil-kuntest taż-żmien kruċjali li se tgħaddi minnu l-unjoni minħabba Brexit.