Waqt iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni tal-Gozo Association for the Deaf fejn 22 student temmew b’suċċess kors fil-lingwa tas sinjali, il-Ministru għal Għawdex Justyne Carauna qalet li pajjiżna tella’ ’l fuq l-aġenda tal-persuni neqsin mis-smigħ. Fakkret kif il-Gvern irrikonoxxa uffiċjalment il-lingwa tas-sinjali Maltija permezz ta’ liġi u waqqaf kunsill apposta. Dan apparti l-fatt li f’pajjiżna twaqqaf servizz ta’ interpreti tal-lingwa tas-sinjali fi ħdan l-aġenzija sapport.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li kien ta’ sodisfazzjon li l-Ministeru għal Għawdex provda l-fondi biex qed jiġu ffinanzjati l-korsijiet fil-lingwa tas-sinjali kif ukoll diversi inizjattivi oħra li qed twettaq il-GAD.
It-teknologija hija aspett importanti wkoll u allura l-Ministru għal Għawdex ħabbret kif il-Ministeru laħaq ftehim mad-djoċesi ta’ Għawdex biex fil-knejjes f’Għawdex ikollna loop system u diġà qed jitħejja pjan biex ikollna din is-sistema ukoll fi spazji pubbliċi u binjiet pubbliċi.
Il-Ministru Caruana rringrazzjat lill-GAD għall-ħidma kbira li qed twettaq fis-soċjetà Għawdxija b’risq il-persuni neqsin mis-smigħ u assigurat li l-Ministeru għal Għawdex dejjem lest li jgħin u jassisti meta u fejn hemm bżonn biex il-bżonnijiet tal-persuni neqsin mis-smigħ f’Għawdex jiġu indirizzati.