“Fl-aħħar snin, is-saħħa primarja ngħatat imbuttatura ’l quddiem u se nibqgħu fiż-żmien li ġej inkomplu nsaħħu l-qasam tal-kura primarja.” Dan qalu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt li tkellem f’konferenza organizzata mill-qasam tal-kura primarja f’pajjiżna.
Id-Deputat Prim Ministru qal li l-għan tal-Gvern huwa li jkollna klinika tas-saħħa f’kull belt u raħal. “U għandna r-riżorsi biex dan nagħmlu, il-bereġ mxerrdin ma’ dan il-pajjiż,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Diġà ngħataw ħajja mill-ġdid diversi bereġ—f’din is-sena biss il-berġa tal-Pieta, Ħ’Attard u Ħaż-Żabbar fost oħrajn—filwaqt li aktar tard dan ix-xahar se nkunu qegħdin niftħu dik taż-Żejtun.
Barra x-xogħlijiet fil-bereġ u ż-żieda ta’ servizzi fl-istes bereġ, bħas-servizz ta’ teħid tad-demm mill-berġa ta’ Ħaż-Żabbar, qed isiru wkoll xogħlijiet ta’ tisbiħ fiċ-ċentri tas-saħħa kollha u dan grazzi għall-fondi NDSF.
“Il-qasam tal-kura primarja jinkludi wkoll il-hubs, il-hub fin-naħa t’isfel ta’ Malta, il-Hub Reġjonali Vincent Moran li diġà għaddej ix-xogħol fuqha, u l-hub fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta,” qal id-Deputat Prim Ministru.
“Qegħdin inbiddlu l-qasam tal-kura primarja b’mod radikali u nżidu s-servizzi fil-komunità. Dan huwa parti mill-pjan ambizzjuż u strateġiku ta’ fejn irridu naraw il-qasam tas-saħħa pubblika f’pajjiżna għas-snin li ġejjin. Din hija l-isfida li għandna, dan huwa dak li qegħdin inwettqu,” qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.