Fl-3 ta’ Novembru li ġej Marigold Foundation se tkun qed torganizza l-ewwel Movember 4×4 Rally b’rabta mal-kampanja ta’ għarfien dwar il-kanċer tal-prostata Movember.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-pitch tal-waterpolo ta’ Birżebbuġa fl-isofond ta’ numru ta’ vetturi 4×4, mart il-Prim Ministru, s-Sinjura Michelle Muscat spjegat li din ir-rally se tkun qed titlaq minn Birżebbuġa u se jkunu qed isuqu fid-direzzjoni ta’ Hondoq ir-Rummien f’Għawdex. Minn hemhekk il-familji jkunu jistgħu igawdu ftit tal-ħin ta’ mistrieħ fil-gżira Għawdxija.
L-organizzatur ta’ din ir-rally John Bundy spjega li wara s-suċċess tal-Pink October Bike Ride issa Marigold Foundation se torganizza din ir-rally. Sostna li għaliha huma mistiedna kull persuna li għandha vettura 4×4 inkluż karozzi. Minħabba dan il-vetturi se jkunu qed jinstaqu fit-toroq prinċipali mingħajr l-ebda ostakli. Id-donazzjoni għal din l-attività se tkun ta’ €20 li se jmorru kollha għall-Marigold Foundation