Mit-Tnejn li ġej se jibdew jingħataw it-tilqim tal-influwenza għall-persuni b’riskju għoli miċ-ċentri tas-saħħa madwar il-pajjiż. Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa Chris Fearne fejn f’konferenza tal-aħbarijiet spjega li n-nefqa tal-Gvern għal din it-tilqima se tlaħħaq kważi nofs miljun ewro.
Għalissa t-tilqima se tkun qed tinagħta b’xejn lill-persuni vulnerabbli (tfal taħt 5 snin, persuni fuq il-55, persuni b’mard kroniku, persuni li jaħdmu f’istituzzjonijiet magħluqa) għall-influwenza sabiex eventwalment tibda tinagħta b’xejn lil kulħadd. Il-ħinijiet tat-tilqim miċ-Ċentri tas-Saħħa jkunu bejn it-08.00 ta’ filgħodu u 13.00 ta’ wara nofsinhar mit-Tnejn sal-Ġimgħa u s-Sibtijiet mit-8.00 ta’ filgħodu sa nofsinhar. Iċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Mosta, Raħal Ġdid u l-Furjana jkunu miftuħin ukoll mit-Tnejn sas-Sibt bejn is-14.30 u s-19.30.
Fearne saħaq dwar l-importanza li wieħed jieħu dan il-vaċċin hekk kif matul is-sena tħalli mat-300,000 fatalita madwar id-dinja. Is-sena li għaddiet huwa stmat li 16% tal-popolazzjoni Maltija kienet ma tiflaħx minħabba l-influwenza. Din is-sena l-Gvern ordna 100,000 tilqima. Huwa fakkar kif is-sena li għaddiet ġew amministrati 87,484 doża ta’ vaċċin, b’44% minnhom lil persuni li għandhom 65 sena jew aktar.
It-tilqima ta’ din is-sena hija aktar avvanzata minn dik li kienet tinagħta fil-passat u din is-sena t-tilqima se tkun qed taħdem fuq 4 tipi ta’ viruses differenti.
Il-Professur Charmaine Gauci, li tmexxi d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika qalet li d-Dipartiment jara biex dejjem jagħti l-aħjar tilqima. Dan isir wara eżerċizzju ta’ Monitoraġġ fil-komunità u fl-isptar. Gauci spjegat li 58% tal-influwenza tas-sena l-oħra kien tal-A H1N1. Spjegat li minħabba li din is-sena se tinagħta din tip ta’ tilqima se tkun qed tkopri diversi tipi tal-virus tal-influwenza. Hija saħqet dwar l-importanza tal-vaċċin hekk kif huwa jnaqqas il-possibbiltà li persuna jidħlu l-isptar. Fakkret kif din hija tajba wkoll għal nisa tqal hekk kif tipproteġi lil omm u anki lit-tarbija sal-ewwel 6 xhur wara li titwieled.
Ġie mfakkar ukoll li l-vaċċin jibda jaħdem madwar ħmistax-il jum wara li tittieħed għalhekk huwa importanti li tittieħed f’dan il-perjodu sabiex tibda taħdem qabel jibda l-istaġun u tibqa’ effettiva tul l-istaġun tal-influwenza kollu.