Fl-aħħar xhur u bħalissa tant għaddej xogħol fuq proġetti f’Għawdex li l-valur tagħhom jaqbeż il-€50 miljun. Uħud minn dawn il-proġetti qegħdin f’fażi avvanzata, oħrajn tlestew fil-ġimgħat li għaddew, filwaqt li oħrajn waslu biex jibdew.
Fost oħrajn għaddej ix-xogħol fuq il-bini tad-Dar tal-Anzjani f’Għajnsielem li għaddej b’rittmu mgħaġġel. Dan il-proġett b’investiment ta’ €6 miljun mistenni joħloq impjiegi ġodda fil-kura tal-anzjani. Id-dar se jkollha 70 kamra bi twin beds u b’kollox se tkun tista’ takkommoda 140 anzjan.
Hemm imbagħad ix-xogħol li sar biex inbidlu s-servizzi tul 10 kilometri minn Ħondoq ir-Rummien sa ta’ Ċenċ. Sar xogħol ta’ kisi ta’ tarmak tul dawn it-toroq li b’kollox swew qrib iż-€2 miljun.
Proġett estensiv ieħor li wasal kważi fi tmienu huwa t-tisbiħ fi Vjal it-8 ta’ Settembru, Misraħ il-Vitorja u z-zuntier quddiem il-Bażilika ta’ Marija Bambina fix-Xagħra. Xogħol li kien jinvolvi pavimentar ġdid, servizzi ġodda, sistema ta’ dawl ġdid, tisbiħ u asfaltar. Dan il-proġett ser jiġi jiswa madwar tliet kwarti ta’ miljun ewro.
Riċentament il-Gvern ħabbar li se jiġu allokati €16-il miljun fiż-żona Industrijali tax-Xewkija, fis-siti magħrufa bħala l-Ħofra u l-eks MDP. Dan huwa proġett importanti għal Għawdex li ser joħloq l-possibbilta’ li madwar 25 intrapriżi żgħar u medji (SMEs) ikunu jistgħu joperaw minn dawn iż-żewġ siti. Sit minnhom ser jakkomoda 15-il kumpanija tal-manifattura jew servizzi tradizzjonali, filwaqt li s-sit l-ieħor maħsub għall-SMEs li huma bbażati fuq servizzi ta’ IT, riċerka u żvilupp. Dan il-proġett se jkun kofinanzjat mill-Fondi Ewropej. L-ewwel tenders mal-proġett se jkunu ppubblikati dalwaqt.
Il-Ministeru għal Għawdex qed jistenna li fil-ġimgħat li ġejjin joħorġu l-permessi mill-Awtorita’ tal-Ippjanar, sabiex jibda l-bini ta’ Qorti l-ġdid fi Triq Borg Olivier ir-Rabat. Dan il-proġett se jkun qed jinkludi parkeġġ taħtu biex itaffi l-problema eżistenti fl-inħawi.
B’hekk il-Qorti jiġi rilokat miċ-Ċittadella, f’post iktar konvenjenti u modern. Is-sit identifikat għall-Qorti l-ġdid huwa minflok il-parkeġġ li hemm fuq żewġ livelli bejn Triq Borg Olivier u Triq Ġużeppi Labre’. Dan il-progett hu smat li jiġi jiswa’ madwar €5 miljun.
Proġett innovattiv ieħor li se jiġi mwettaq b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta huwa l-Mużew t’ Għawdex. Il-proġett ser jiswa’ madwar €5 miljun u ser jiġbor fih l-istorja ta’ Għawdex.
Għaddej b’ritmu tajjeb ukoll il-proġett tat-taraġ majestuż li jniffed il-parkeġġ ma’ Pjazza San Franġisk, fir-Rabat. Dan biex ma nsemmux iċ-Ċitadella, proġett li ġie inawgurat dan l-aħħar mill-Prim Ministru. Saru diversi xogħlijiet estensivi u intensivi li twettqu f’dawn l aħħar snin għar-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ din il-ġawhra ta’ Għawdex. Dan il-proġett kien kofinanzjat minn Fondi Ewropej u ġie jiswa’ €14-il miljun.
Uħud minn dawn il-proġetti żaruhom il-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo u tal-Finanzi Edward Scicluna.
“L-iskop ta’ din iż-żjara,” qal il-Ministru għall-Finanzi, “huwa li wieħed jara mill-qrib l-investiment qawwi li qed isir f’Għawdex permezz ta’ fondi mill-vot kapitali tal-Baġit. Il-proġetti li qed isiru permezz ta’ dan l-investiment, qed jikkontribwixxu għat-tisbieħ ta’ Għawdex, kif ukoll għat-tisħieħ tal-ekonomija Għawdxija.”
Il-Ministru Anton Refalo fisser li dawn il-proġetti mhux biss se jtejjbu l-prodott turistiku Għawdxi imma se joħolqu aktar impjiegi f’Għawdex.