Il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid flimkien mal-Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan Banda Paola reġgħu ngħaqdu biex jippreżentaw edizzjoni oħra tal-festiva “F’Casal Paola fi Pjazza Antoine De Paule – Lejla ta’ Storja, Arti u Mużika” nhar is-Sibt, 19 ta’ Ottubru, mis-7 ta’ filgħaxija ‘l quddiem.
Din l-attività se terġa’ teħodna lura tul kważi 400 sena ta’ storja li sawret lil dan ir-raħal u li llum tista’ tgħid li sar belt kruċjali fin-nofsinhar ta’ Malta. Huwa għalhekk li matul din is-serata, l-istorja u t-tradizzjonijiet tal-imgħoddi se jkunu qegħdin jitħalltu mal-arti u l-mużika.
Dan se jsir billi l-ambjent ta’ Pjazza Antoine De Paule se jinbidel b’mod li jgħin lil dawk kollha li sejrin jattendu jidħlu fl-atmosfera u jmorru lura lejn żmien l-imgħoddi permezz ta’ re-enactments u t-teatru tat-triq fost oħrajn.
Għalhekk sejrin nassistu għall-wasla tal-Gran Mastru Antoine De Paule u l-qari tal-bandu. Sejrin inkunu nistgħu wkoll nattendu għat-tieġ Malti kif kien isir f’dari. Se jkun hemm ukoll l-element mużikali bi gruppi folkloristiċi b’daqq ta’ mużika u għanjiet tradizzjonali Maltin flimkien ma’ żfin folkloristiku.
Diversi wirjiet f’partijiet differenti ta’ din il-pjazza se jkunu qegħdin jesebixxu xogħol ta’ arti, u sejrin inkunu nistgħu wkoll nammiraw xogħlijiet diversi ta’ artiġjanat Malti. Ma jonqsux ukoll wirjiet ta’ karettuni antiki li minnhom tant konna naraw fit-toroq Maltin ibiegħu kull tip ta’ prodotti agrikoli u oħrajn, kif ukoll karozzi antiki u klassiċi flimkien ma’ vetturi li kienu jintużaw fit-Tieni Gwerra Dinjija.
U waqt li dawk preżenti sejrin ikunu jistgħu jżuru x-Xelter ta’ żmien il-gwerra li se jkun imdawwal bid-dawl tax-xemgħa, se jkun hemm ukoll l-opportunità li wieħed jassisti u forsi wkoll jidħaq daħka sew bit-teatru tat-triq u bl-għana tradizzjonali minn għannejja popolari akkumpanjati minn kitarristi magħrufa.
Ma jonqsox ukoll is-sehem ta’ diversi kantanti u żeffiena, waqt li dawk li jippreferu mużika b’laqta aktar serja jistgħu jattendu għall-kunċert fuq l-orgni fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re. Ittieħed ukoll ħsieb biex ikun hemm żona speċjali għat-tfal, waqt li għall-bejgħ se jkun hemm ikel tipiku Malti, xorb u ħafna aktar.
Se jkun hemm parkeġġ provdut fiż-żona ta’ Ġnien il-Mediterran kif ukoll tal-Grawnd ta’ Pace Grasso.
Kulħadd mistieden biex jattendi flimkien mal-familja u l-ħbieb tiegħu. Attrazzjoni oħra ġdida li se ssir din is-sena hija li matul is-serata se jkun hemm diversi rigali sbieħ x’jintrebħu minn dawk li jkunu preżenti.