George Degiorgio, wieħed mit-tliet irġiel mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fetaħ każ kostituzzjoni fejn fih qed jargumenta li l-informazzjoni interċettata mill-mowbajl u li ġiet użata kontrih mill-pulizija qatt ma ġiet ippreżentata fil-Qorti u qiegħda f’idejn il-pulizija b’mod illegali.
Għal din ir-raġuni qed jitlob li din l-evidenza m’għandhiex titqies bħala evidenza fil-każ.
L-avukat ta’ dak magħruf bħala ċ-Ċiniż qal li l-pulizija naqset milli turi li l-informazzjoni interċettata kienet vera u jekk kinitx miksuba b’mod legali.
Stqarr li jekk dan l-att twettaq b’mod illegali jfisser li d-dritt fundamentali uman li tiġi rispettata l-ħajja privata taħt it-tmien artikolu tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Umani, ġie miksur.
Saħaq li l-midja rrapurtat l-informazzjoni interċettata b’mod li tassumi li l-interċettazzjoni saret b’mod legali u b’hekk tefgħet dawl ikrah fuq il-presunzjoni tal-innoċenza tagħhom.