Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien lil raġel li ġie mixli li seraq karozza u għodda ta’ valur.
Joseph Galea mis-Siġġiewi li wieġeb mhux ħati għal dawn l-akkużi ġie mixli li seraq għodda minn vann f’San Pawl il-Baħar u li seraq karozza tat-tip Peugeot mill-Mosta filwaqt li pprova jbiegħa lil terzi persuni f’April li għadda.
Galea ġie akkużat ukoll li għamel ħsara lill-karozza u li kiser diversi ordnijiet ta’ probation u kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża.
L-avukat tad-difiża Mario Mifsud qal li l-akkużat għandu erbat itfal u ieħor fi triqtu u b’hekk għandu jingħata ċans għal-libertà proviżorja.
Minkejja dan, il-Qorti ppresedutha mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ikkonkludiet li r-raġel m’għandux jiġi afdat u b’hekk ċaħdet din it-talba għal-libertà.