L-anzjani u ż-żgħażagħ. Żewġ ġenerazzjonijiet isseparati mill-ġenerazzjoni tal-ġenituri. Iżda li meta tgħaqqadhom flimkien, teżisti sinerġija perfetta hekk kif l-esperjenza tal-anzjanità tingħaqad mal-enerġija żagħżugħa.
Dan kien is-sentiment espress it-Tnejn filgħodu fil-Parlament fejn l-ispeaker Anġlu Farrugia, mexxa seduta speċjali bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani “Parlament Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet 2019”.
Laqgħa li matulha ż-żewġ ġenerazzjonijiet tkellmu dwar l-esperjenzi kif ukoll il-mod kif iż-żewġ ġenerazzjonijiet jistgħu jtejbu flimkien is-soċjetà ta’ madwarna.
ONE News ħa l-kummenti ta’ Anthony Degiovanni, anzjan ta’ 72 sena li stqarr kif minkejja l-qabża fl-età bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani, jħoss li l-istereotip assoċjat mar-relazzjoni bejn iż-żewġ gruppi ta’ etajiet ma jeżistix.
Dan hekk kif fl-aħħar snin, huwa ħa kors fl-Università li laqqgħu ma’ studenti żgħażagħ.
“Naqsmu flimkien il-ħajja ta’ studenti u konna ngħinu lil xulxin mingħajr differenza ta’ etajiet u anki naturalment meta kont fil-kunsilli lokali l-kunsilliera żgħażagħ u dawk ikbar fl-età kienu jaħdmu flimkien, jixxerjaw l-ideat u jaqsmu x-xogħol li kellu jsir”, stqarr Degiovanni.
Fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru tal-età, Eve Borg Bonello ta’ 16-il sena spjegat kif mill-anzjani, iż-żagħżagħ jistgħu jitgħallmu ħafna.
Semmiet l-eżempju kif min-nanniet tagħha, hija bdiet titgħallem dwar l-arti tat-tisjir.
Hija qalet li “In-nanna min-naħa ta’ missieri għallmitni kif nagħmel il-pulpetti meta kont żgħira u mhux l-ewwel darba li nsajrilha xi ħaġa hekk. In-nanna min-naħa ta’ ommi għallmitni kif insajjar it-tiġieġ.”
Waqt is-seduta tkellem is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis li saħaq dwar l-importanza li wieħed iħares lejn l-enerġija bejn l-anzjani u ż-żgħażagħ bħala xi ħaġa importanti u li tgħaqqad minkejja d-differenza fis-snin.