Raġel ta’ 33 sena ddaħħal l-isptar għall-kura wara li allegatament qala’ daqqa ta’ sikkina f’appartament li jinsab f’ Misraħ San Ġwann fil-Belt Valletta.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-5:50 tal-Ħadd filgħaxija meta allegatament inqala’ argument bejn żewġ familji f’appartament li fih kien hemm ukoll xi tfal żgħar.
Fuq il-post waslu numru kbir ta’ Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tal-għassa tal-Belt li daħlu fl-appartament sabiex ikkalmaw is-sitwazzjoni.
It-tliet persuni involuti f’dan il-każ huma rġiel, wieħed ta’ 33 sena mill-Imsida, ieħor ta’ 29 sena mill-Ħamrun u raġel ta’ 25 sena mis-Siġġiewi.
L-investigazzjonijiet qed jitmexxew minn uffiċjali tad-distrett tal-Belt.