Fl-ewwel tmien xhur tas-sena, tliet mija u wieħed u tmenin pazjent ġew bżonn kura barra minn Malta, fi kważi ħames mitt eventwalità.
Minkejja li l-maġġoranza tal-pazjenti jingħataw il-kura fl-Ingilterra, oħrajn ikollhom jirrikorru għal kura speċjalizzata f’pajjiżi u fi sptarijiet oħra.
L-Isptar Mater Dei għandu ftehimiet ma’ ċentru t’eċċellenza f’Milan li jispeċjalizza fil-fwied, sptar f’Palermo fejn isiru operazzjonijiet tal-pulmun, u sptar f’Heidelberg fil-Ġermanja fejn issir il-proton beam therapy.
Charlene Fenech, mill-uffiċċju li jieħu ħsieb il-kura barra minn Malta fl-Isptar Mater Dei, spjegat il-proċess ta’ loġistika f’dawn il-każijiet.
“Nagħmlu kuntatt mal-isptar, ninvolvu l-ambaxxata biex inġibu l-appuntament. Meta jsir l-appuntament jiġu booked biljetti, accomodation, trasport, naħdmu ħafna ma’ Puttinu u l-MCCF li jidħlu fejn aħna ma naslux, sa ma pazjent jasal biex jitlaq.”
Hija fissret l-importanza tas-sinerġija ma’ diversi partijiet oħra – fosthom l-uffiċċju tal-passaporti – li jintervjenu f’każijiet ta’ emerġenza.
“Naħdmu mal-Air Malta għall-biljetti, ħafna drabi jagħmlu eċċezzjonijiet biex jgħinuna biex il-pazjent jitlaq, inkella jekk il-pazjent ma jkunx fi stat li jitla fuq l-Air Malta, inġibu air ambulance.”
Dan mhux dejjem ikun possibbli, u kif spjegat Fenech, din hija biss waħda minn fost ħafna sfidi li l-uffiċċju tagħha jħabbat wiċċu magħhom.
Sfidi oħra bħal meta ma jkunx hemm seats fuq l-Air Malta, jew ma jkunx hemm sodod fl-isptarijiet ta’ barra.
“Trid iżżomm f’moħħok li qed titkellem ma’ persuna li probabbli mhix qed tifhmek għax ikunu għadhom kemm ħadu xokk. Għalihom li ħa titlaq minn pajjiżek biex tmur pajjiż ieħor għat-treatment huwa xokk doppju.”
Qalet li kull pazjent ibati, iżda t-tfal iġibu magħhom iktar uġigħ, għaliex ħafna drabi tiġi affettwata l-familja kollha u l-ġenituri jkollhom iħallu warajhom lil uliedhom l-oħra.
“Każijiet tat-tfal issa jew għax jien għandi tifla għadha żgħira, imma awtomatikament anki int x’ħin tkun mal-familja tiegħek tibda tiftakar fihom dawn il-każijiet.”
Temmet tgħid li għalkemm xogħolha mhux faċli, tagħmlu b’imħabba kbira, għaliex temmen li l-irwol tal-professjonisti jmur lil’hinn mill-kura medika.