B’investiment ta’ kważi miljun ewro, disa’ mija u tnejn u sittin student Għawdxi bbenefikaw mill-iskema ta’ sussidju għall-kera f’Malta.
B’pagament ta’ mija u sitta u sittin ewro kull xahar, l-istudenti Għawdxin qed iħallsu l-kera fix-xahar mingħajr problemi.
One News tkellem ma’ xi studenti Għawdxin, li qalu kif dan is-sussidju jtaffilhom bil-kbir parti mill-piż finanzjarju minn fuq spallejhom.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet kif permezz ta’ miżura oħra fil-baġit għal din is-sena, l-istudenti Għawdxin, taħt diversi kundizzjonijiet, jistgħu japplikaw għal sussidju addizzjonali.
“Permezz ta’ miżura tal-baġit illi għadda issa l-istudenti tagħna jistgħu jibbenefikaw sa massimu ta’ disa’ mitt ewro fis-sena oħra.”
Il-Ministru semmiet proġett bżonnjuż ieħor, dak ta’ Villa Lauri, li permezz tiegħu fiż-żmien li ġej, l-istudenti Għawdxin ser ikunu jistgħu jużaw din l-akkomodazzjoni.
“Pero aktar minn hekk ukoll, il-proġett għall-akkomodazzjoni, ħabbarniha fil-baġit illi għadda u allura din is-sena ħabbarna illi ser inkunu qegħdin inressqu l-proġett tal-hostel, krejna Villa Lauri ġewwa Birkirkara”
Dr. Caruana fakkret kif l-introduzzjoni tar-raba’ vapur taffa mill-piż tal-mijiet ta’ studenti li kuljum jew fi tmiem il-ġimgħa jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer.
Temmet tgħid li l-Ministeru għal Għawdex ser jibqa’ jkun ta’ spalla għall-istudenti kollha Għawdxin li ħallew darhom f’Għawdex biex ikomplu bl-istudji tagħhom f’Malta.