Storja ta’ suċċess – hekk iddeskriva l-Fondi taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-fondi tan-Norveġja l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis f’ċelebrazzjoni tal-proġetti li pajjiżna wettaq bis-saħħa tal-imsemmija fondi, proprju fil-25 anniversarju mit-twaqqif tagħhom.
Dawn il-fondi jirriżultaw mill-kontribut finanzjarju li n-Norverġja, l-Iżlanda u Liechtenstein jagħtu biex ikollhom aċċess għas-suq uniku tal-Unjoni Ewropea. Mis-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea fl-2004, Malta, bħala pajjiż li jikkwalifika għall-fondi ta’ koeżjoni, bdiet tibbenefika minn tali fondi.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Zammit Lewis fisser kif fl-ewwel programm ta’ fondi Malta bbenefikat minn €3.5 miljun, bl-ammont jiżdied b’aktar mid-doppju fit-tieni programm għal total ta’ €8 miljun mill-2014 ‘il quddiem. Fondi li ssarrfu fi proġetti ta’ żvilupp urban, tnaqqis tal-faqar u t-tisħiħ tal-ugwaljanza u l-mobilità soċjali, f’xhieda ċara tas-solidarjetà li teżisti bejn il-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea.
F’dan ir-rigward, il-Ministru Zammit Lewis irringrazzja lill-partijiet kollha involuti f’din l-istorja ta’ suċċess, partikolarment il-pajjiżi kontributuri u l-uffiċċjali Maltin fl-entità responsabbli fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza.
Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, il-ministru ppreżenta ċertifikati lill-parteċipanti ta’ kompetizzjoni tal-arti li kkommemorat dan l-anniversarju importanti, bit-tema tittratta t-tnaqqis tal-faqar. Lil hinn mill-premjijiet, Edward Zammit Lewis faħħar liż-żgħażagħ li pparteċipaw għall-messaġġi b’saħħithom li għaddew permezz tal-espressjoni artistika tagħhom.