Ġie sottomess il-masterplan għall-proġett ta’ riġenerazzjoni u tkabbir tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali. Il-Masterplan juri kif dan il-proġett se jkun qed jinkludi fih picnic areas kbar, laguna, post għal kamping mgħammra kif suppost, u BMX park.
Dan filwaqt li l-fabbrika antika tal-konkrit biswit il-park issa se tkun riġenerata u ssir mgħammra sabiex fiha jkunu jistgħu isiru kunċerti f’ambjent naturali. Il-park se jkun qed jinkludi wkoll trakka ta’ 4km għal mixi u ċ-ċikliżmu. Il-proġett tal-park nazzjonali se jkun qed jinkludi fih ukoll ir-riġenerazzjoni tal-farmers market sabiex dan ukoll joffri esperjenza lil dawk kollha li jagħmlu x-xirja ta’ prodotti lokali minn hemmhekk.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg saħaq kif il-mod ta’ kif miexi l-proċess juri biċ-ċar kif dan ma kienx wiegħda sabiħa biss iżda pass importanti sabiex jinħoloq post għall-familja kollha f’ambjent naturali.
F’konferenza stampa, l-kordinatur tal-proġett, Jason Micallef spjega kif din l-akwata li minn dejjem kienet popolari ħafna mal-familji Maltin bħala post ta’ rikreazzjoni issa se tkun mibdula totalment sabiex toffri esperjenza isbaħ. Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herra saħaq kif park bħal dan għandu mhux biss joffri esperjenza sabiħa ta’ rikreazzjoni iżda għandu wkoll importanza ambjentali.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius saħaq li proġett bħal dan ikompli juri kif r-riżultati pożittivi ekonomiċi qed jingħaddu lura lin-nies fi proġetti bħal dawn.