Min-mindu ġiet introdotta l-iskema tal-passaporti tal-Heritage Malta, saru 107,000 żjara b’xejn f’wieħed mis-siti storiċi madwar Malta u Għawdex.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġustizzja u Kultura Owen Bonnici f’attività oħra ta’ ‘Malta Ngħixu s-Suċċess Twettiq tal-Baġit 2019’, fejn stqarr kif mill-kitba issa wasalna għall-azzjoni.
Il-Ministru Bonnici stqarr li “Nemmnu li l-Baġit kien ta’ suċċess anke mhux għax biss ktibnih iżda wkoll implimentajnih…u b’hekk ftaħna l-bibien beraħ għall-poplu Malti għas-siti storiċi li tant iħobb.”
Il-Ministru Bonnici qal kif il-miżura li t-tfal kollha ta’ Malta u Għawdex jingħatalhom passaport biex flimkien ma’ żewġ adulti oħra jidħlu fis-siti storċi li jdawru lil Malta, kienet ta’ suċċess, u kien għalhekk li din twessgħet għall-anzjani.
Żied jgħid kif is-suċċessi li ġabet magħha l-iskema tal-passaporti ta’ Heritage Malta hija eżempju ċar li n-nies qegħdin isiru aktar konxji u qed japprezzaw aktar il-wirt tagħhom, filwaqt li nkoraġixxa liż-żgħar biex iżuru u jitgħallmu dwar l-istorja u l-kultura tagħna.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis qal kif il-miżuri mwettqa jixhdu kemm Gvern Laburista jinteressah mill-Kunsilli u Reġjuni Lokali.
“Irnexxielna iva li nerġgħu nagħmlu qawmien lill-Kunsilli Lokali, lill-Gvern Lokali fejn mhux biss is-Sindku li jiddeċidi, iżda naraw li n-nies kollha jkunu parteċipattivi f’dak li jkun qed isir fil-kunsilli lokali”, sostna s-Segretarju Parlamentari Parnis.
Silvio Parnis temm jgħid li għall-budget li jmiss il-Gvern ser jara kif se jgħin aktar lill-kunsilli Lokali fejn tidħol l-indafa pubblika tal-irħula.