Meta kien qed jinawgura l-uffiċini ġodda tal-AME Health & Safety Services Ltd f’Tal-Pietà, il-President George Vella tkellem dwar l-importanza ta’ iktar impenn minn kumpaniji kif ukoll għarfien akbar dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol fost l-oħrajn.
Il-President Vella qal kif fil-professjoni tiegħu bħala tabib, ħadem mill-viċin ma’ bosta ħaddiema fuq postijiet varji tax-xogħol, u għalhekk hu konxju sew tal-importanza ta’ dan is-suġġett. Kompla billi qal li sfortunatament għad hawn bosta perikli fit-triq, fil-postijiet ta’ divertiment, u fuq kollox fid-djar tagħna. Għaldaqstant, kompla l-President Vella, “Huwa essenzjali li jkollna kumpaniji organizzati u b’mod professjonali fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà.”
Il-President George Vella qal kif meta persuna tweġġa’ fuq il-post tax-xogħol, apparti l-ġrieħi fiżiċi, iġġarrab ukoll ġrieħi psikoloġiċi “li ħafna drabi jaffettwaw lill-familjari u lil dawk viċin il-persuna.” Il-President temm id-diskors tiegħu billi ħeġġeġ lis-soċjetà tindirizza dan is-suġġett fuq livell mhux biss politiku, iżda wkoll akkademiku, bl-għan li s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tkun aktar iffukata fuq il-persuna u fuq il-familja.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Operat ta’ AME Health & Services Ltd, Aldo Busuttil qal li hu u l-kollega tiegħu Mario Camilleri ħarġu bl-idea li jwaqqfu din il-kumpanija 15-il sena ilu minħabba li ħassew il-bżonn li jibdew jedukaw lill-industriji kollha lokali dwar is-saħħa u s-sigurtà.
Qal li l-kumpanija toffri servizz lill-kuntratturi, żviluppaturi, fabbriki u lukandi fost l-oħrajn biex isiru iktar konxji tar-riskji u l-perikli fuq il-post tax-xogħol jekk ma jittieħdux miżuri ta’ saħħa u sigurtà. Żied jgħid li l-AME illum il-ġurnata hija sinonima ma’ proġetti kbar ta’ bini, toroq u impjanti u qed tinvesti biex twettaq proġetti anke barra minn Malta.
Huwa appella biex jingħata iktar widen lis-suġġett tas-saħħa u tas-sigurtà saħansitra mit-tfal, tant li esprima x-xewqa li l-istudenti jibdew jingħataw taħriġ f’dan ir-rigward. Is-Sur Busuttil irringrazzja lill-President Vella li laqa’ t-talba tal-AME biex titnieda kampanja edukattiva li permezz tagħha titqajjem iktar kuxjenza dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol bil-għan li jitnaqqsu r-riskji u l-inċidenti.