L-1 ta’ Ottubru immarka l-bidu ta’ kampanja nazzjonali oħra Pink October. Għal sena oħra l-Fondazzjoni Marigold bdiet kampanja sabiex titqajjem iktar kuxjenza fost nisa u tfajliet biex jegħlbu l-biża’, u jeżaminaw lilhom infushom u jagħmlu t-testijiet biex ikun miġġieled il-kanċer tas-sider.
Ma’ Pink October din is-sena tingħaqad ukoll l-kampanja Movember, bil-għan li tqum aktar kuxjenza fost l-irġiel jagħmlu t-testijiet dwar il-kanċer fit-testikoli.
Fl-ewwel jum tal-kampanja, ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold is-Sinjura Michelle Muscat, flimkien mal-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg, żaru waħda miż-zebra crossing madwar il-pajjiż li ġew ikkuluriti roża u abjad biex titqajjem iżjed kuxjenza dwar din il-kawża.
Is-Sinjura Muscat stqarret li “L-importanti li niċċekjaw lilna nfusna u ngħixu ħajja b’saħħitha ħa ngawdu lil familja tagħna.”
Tul dan ix-xahar tal-kampanja Pink October, numru ta’ binjiet u l-lokalitajiet se jinxtegħlu b’dawl roża.
Filwaqt li l-istess fondazzjoni se torganizza numru ta’ attivitajiet, sabiex jitwassal aktar il-messaġġ, biex kemm in-nisa u kemm l-irġiel jagħmlu l-ewwel pass u jpoġġu għat-testijiet.
Dan f’kuntest li kull ma jmur aktar nisa qed imorru għal testijiet tas-sider iżda l-irġiel baqgħu ftit lura u ma jersqux ‘il quddiem għal testijiet dwar il-kanċer fit-testikoli.
Issa jmiss l-ewwel attività li se tkun nhar il-Ħadd filgħodu bil-Pink and Black bike ride, bit-tluq ikun mill-Floriana.