Permezz ta’ avviż legali li ddaħħal fis-seħħ illum, dan il-Gvern qiegħed ikompli jimplimenta aktar riformi marbuta mal-informatika fis-settur tal-ġustizzja, din id-darba billi estenda l-użu tat-teknoloġija informatika fi proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw il-Bord dwar il-Kontroll tal-Kiri ta’ Raba’ u l-Bord li Jirregola l-Kera.
“Dawn il-miżuri jgħinu biex ikomplu jiġu s-simplifikati proċessi ġudizzjarji u b’hekk ikunu ta’ gwadann, benefiċċju u konvenjenza mhux biss għall-professjoni legali iżda wkoll għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kollha li jirrikorru għas-servizzi tagħhom”, saħaq il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
“Fil-fatt, din il-miżura toffri lill-avukati l-faċilità li jippreżentaw b’mod elettroniku mhux biss ir-rikors li bih tinbeda l-kawża, imma anke r-risposta għal dak ir-rikors. Apparti li jippreżentaw dawn l-atti, l-avukati jkunu jistgħu wkoll iħallsu d-drittijiet dovuti għar-rikors jew għar-riposta b’mod elettroniku u dan mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li jmorru fir-Reġistru tal-Qorti, hekk kif dan ikunu jistgħu jagħmluh mill-uffiċini tagħhom stess”, kompla jgħid il-Ministru Owen Bonnici.
Dan kollu għalhekk ikompli jawgura tajjeb mad-diversi servizzi li l-professjoni legali u anke l-pubbliku jista’ jutilizza permezz tas-sit www.ecourts.gov.mt, li fost oħrajn joffri: (i) metodu ta’ tfittxija għal proprjetà u oġġetti mobbli li jkunu soġġetti għal bejgħ b’subbasti; (ii) informazzjoni dwar l-użu tal-Awli tal-Qorti; (iii) reġistru tal-insolvenza; (iv) reġistrazzjoni biex wieħed jirċievi sms dwar kawżi li jkunu ta’ interess għalih; (v) ħlas ta’ multi; (vi) ħlas tad-drittijiet tal-kawżi; (vii) eforms għal testmenti sigrieti; u (viii) eforms dwar it-Tribunal għal Talbiet Żgħar.
Dan kollu qed isir biex iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin ikollhom aċċess aktar miftuħ għall-qrati tagħna u anke jkollhom aktar informazzjoni dwar dak li jkun qed jiġri fil-qasam tal-ġustizzja.