129 uffiċjal issieħbu fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, fl-ikbar ingaġġ li qatt sar f’dawn l-aħħar 20 sena.
Dan kien ukoll jum storiku għall-Protezzjoni Ċivili hekk kif għall-ewwel darba fl-istorja ra r-reklutaġġ ta’ tliet nisa f’din il-forza tal-ordni.
Dorothy Sammut, waħda mit-tliet uffiċjali ġodda qalet ma’ ONE News li minkejja li hija mara xejn ma żammha lura biex tagħmel dan ix-xogħol biex tgħin lin-nies.
Hija stqarret li “Bħala mara minn dejjem kien jogħġobni x-xogħol u applikajt meta fetħu l-applications”.
Sabiex waslu għaċ-ċerimonja tat-Tnejn kellhom reklutaġġ ta’ 18-il ġimgħa, fejn ingħataw taħriġ intensiv li fih esperjenzaw kull eventwalità li jistgħu jħabbtu wiċċhom magħha meta jiġu biex issalvaw il-ħajjet tan-nies.
Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili, Emmanuel Psaila qal li bħala parti mir-reklutaġġ, l-uffiċjal l-ġodda esperjenzaw sitwazzjoni reali ta’ kazijiet li nqalgħu dan is-sajf.
Psaila sostna: “Iva użajna rekluti meta qabad appartament San Pawl u Miżieb u f’Santa Marija.”
Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia qal li apparti l-investiment li qiegħed isir fil-Protezzjoni Ċivili, ix-xewqa hija l-aktar nisa jissieħbu ma’ din l-forza tal-ordni.
Il-Ministru Farrugia qal: “Investiment fin-nies. L-ewwel tliet nisa u nħeġġeġ aktar nisa biex nibnu Protezzjoni Ċivili li tħabbat mal-aqwa.”