Li qarib tiegħek isir jaf li għandu d-dimensja fid-diversi forom tagħha, jew li minħabba raġunijiet oħra se jkollu bżonn is-servizz ta’ residenza apposta, ħafna minna neħduha aktar ħażin milli forsi hemm bżonn.
Il-fatt huwa li ħafna anzjani li issa qed jgħixu b’din il-kundizzjoni jew qed igawdu mis-servizzi ta’ residenzi tal-anzjani baqgħu attivi.
Catherine hija waħda minnhom. Għandha 84 sena u ilha għal dawn l-aħħar sena u nofs f’residenza tal-anzjani. Meta hi u sħabha kienu parti minn attività li fakkret il-Jum Dinji tad-Dimensja u l-kundizzjoni tal-Alzheimer’s, Catherine ġiet magħżula taqra silta dwar dawn il-kundizzjonijiet u kif jolqtu wkoll lill-qraba tal-persuna.
Sirna nafu wkoll li Catherine tgħin ferm fir-residenza stess, fosthom anke mill-tqarben hi stess lil ċertu residenti.
“Darba minnhom ġie wieħed u kien ma jiflaħx ħafna u ma kien hemm ħadd min iqarbnu. Diment li niflaħ jiena se nagħmilha, għaliex mentalment għandi xi ħaġa li naf li rrid nagħmel u dik tgħinni ħafna.”
U ma waqftix hemmhekk. Biex żgur tgħin lilha nnifisha kemm tiflaħ, Catherine tieħu ħsieb ukoll li ssaqqi wħud mill-pjanti li r-residenza Villa Messina hija mżejna bihom.
“Għitilhom li nitħajjar għas-sular tagħna, nieħu ħsieb jiena mill-aħjar li nista. Għandi enċiklopedija dwar il-pjanti u vera nsegwi, għaliex inħobbhom. Nagħti sehemi mill-aħjar li nista.”
Ir-residenza Villa Messina, li taqa’ taħt is-servizzi ta’ Care Malta, toffri mitejn u erba’ sodod kemm tal-Gvern kif ukoll tal-privat, u tagħti wkoll servizzi lil persuni bid-dimensja u l-qraba tagħhom. Robert Grech, manager fi ħdan Care Malta, spjega li t-tmexxija ta’ dawn it-tip ta’ residenzi jgawdu min appoġġ kontinwu mill-Gvern anke fejn jidħlu standards tas-servizzi.
“Id-dimensja hija xi ħaġa li għadha qed tiġi studjata, dejjem issib guidelines ġodda, anke fuq kif nistgħu nagħmlu l-għamara. Hemm tipi differenti ta’ dimensja.”
Meta nisimgħu il-kelma ‘dimenjsa’, ħafna minna nimmaġinaw l-agħar xenarju possibbli. Il-Professur Charles Scerri, akkademiku u fundatur tas-Soċjetà Maltija għad-Dimensja, qal li l-kundizzjoni hija waħda progressiva.
“Naturalment id-dimensja hija progressiva u tieħu l-kors tagħha. Jaf jgħaddu s-snin sakemm tasal fi stadju avvanzat u l-persuna tkun għadha qed tiffunsjona tajjeb ħafna. Irridu nneħħu l-idea li persuna li għahda kif qabditha d-dimenjsa mhi tajba għalxejn. Mhu veru xejn.”
Spjega wkoll li bħalissa d-dimensja tolqot mal-1.5% tal-popolazzjoni Maltija. Numru li sal-2050 mistenni jirdoppja.
Iżda llum, persuni bid-dimensja u qrabathom qed isibu wens ukoll mill-hekk imsejjaħ Dementia Intervention Team.
“Studji dwar id-dimensja. Varajna team ta’ professjonisti li jiġu d-dar li jtik informazzjoni dwar il-kundizzjoni u x’servizzi inti tista’ tieħu u hawn ħafna servizzi fil-verità.”