Fi sfond ta’ numru ta’ kummenti fuq il-mezzi soċjali fuq il-qagħda ta’ klassijiet u kuritur fl-iskola primarja f’Santa Venera, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jixtieq jiċċara li dan ix-xogħol hu parti mix-xogħlijiet li ser jitlestew f’din l-iskola qabel jidħlu t-tfal tal-Kinder.
Fost ix-xogħlijiet li saru f’din l-iskola hemm tikħil u tibjid ta’ żewġ kurituri fil-livell ta’ isfel u ħames klassijiet, ħames klassijiet tal-Kinder 2 u għaddej xogħol fuq il-kurituri. Dawn minbarra li saru uffiċju ġdid għas-segretarji, boardroom ġdida, bank tal-kċina ġdid fil-breakfast room, imwejjed u siġġijiet ġodda f’numru ta’ klassijiet tal-kinder, u aperturi ġodda fit-tieni sular biex jingħalqu l-arkati għal fuq il-bitħa.
Ser jinbeda wkoll ix-xogħol fuq il-faċċata ta’ ġewwa (il-bitħa), u bħalissa qiegħed jintrama l-iscaffolding biex jinbeda dan ix-xogħol ukoll.
Ta’ min wieħed jiċċara li dan l-ispazju jintuża mit-tfal tal-kindergarten, li għadhom ma bdewx l-iskola, u għalhekk dan l-ispazju għadu mhux jintuża mit-tfal. Ix-xogħol tal-klassijiet u l-kuritur li dwarhom qamet il-kwistjoni fil-fatt inbeda diġà u kif kien pjanat, il-klassijiet u l-kuritur tal-Kinder 1 li ser jintużaw il-ġimgħa d-dieħla qed ikunu mkaħħlin u mbajda wkoll. Dan biex meta jidħlu t-tfal ikunu lesti mit-tikħil u t-tibjid.
Il-ministeru hu informat li t-tmexxija tal-Kulleġġ u tal-iskola spjegaw lill-ġenituri tat-tfal fil-kinder li x-xogħol kien pjanat. Fil-fatt, il-ministeru jikkonferma li t-tikħil u l-ewwel tibjida huma lesti.
Il-ministeru jfakkar li matul dan is-sajf saru numru ta’ proġetti ta’ manutenzjoni u tisbiħ, kbar u żgħar, madwar Malta u Ghawdex kollha. Hemm progetti kapitali ta’ investiment sostanzjali fi skejjel ġewwa l-Qawra, ż-Żejtun, Marsaxlokk, San Ġiljan, il-Ħamrun, il-Blata l-Bajda, il-Marsa, Ħaż-Żebbuġ u f’numru ta’ lokalitajiet f’Għawdex.
Sar ukoll investiment ta’ 5,210 mwejjed, 7,810 siġġijiet ġodda u kważi 11,000 locker ġdid, filwaqt li ġew imbajda mat-23,000 metru ta’ kurituri u 636 klassi. Dan kollu sar apparti l-investiment ta’ 12-il miljun ewro f’workshops ġodda fl-iskejjel sekondarji kollha u miljuni ta’ ewro oħra li jintefqu kull sena f’apparat teknoloġiku.
Minkejja li saret ħafna manutenzjoni fl-iskejjel u għaddej ħafna xogħol ta’ kostruzzjoni kbir, il-ministeru ser jissokta bil-ħidma tiegħu biex l-iskejjel jibqgħu jissebbħu