Waqt avveniment imtella’ fil-Union League Club ma’ diversi investituri minn New York, il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega l-viżjoni ekonomika ta’ Malta u l-opportunitajiet li joffri pajjiżna bir-rieda li għandu favur l-innovazzjoni u d-diversifikazzjoni.
Matul is-snin li għaddew, l-ekonomija Maltija kibret b’rata mgħaġġla u llum pajjiżna għandu fost l-aqwa rati ta’ ħolqien ta’ mpjiegi fl-Unjoni Ewropea.
“Dawn ir-riżultati jirriflettu ekonomija b’saħħitha li tibqa’ tattira lejha persuni ta’ talent minn madwar id-dinja kollha”, qal Dr Muscat.
Il-Prim Ministru qal li l-invesituri jirrappreżentaw il-qalb tal-viżjoni ekonomika ta’ Malta. Il-Gvern jifhem li l-investiment jibqa’ kruċjali għat-tkabbir ekonomiku u għat-titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ dawk kollha li jgħixu f’Malta.
Dr Muscat fisser kif l-istrateġija tal-Gvern hija li, l-ewwel, jikkonsolida l-investiment li diġà jinsab f’pajjiżna – fosthom kumpaniji Amerikani bħal Methode Electronics Inc., Baxter u Cardinal Health – u li jirrappreżentaw stejjer ta’ suċċess għal Malta bħala destinazzjoni sostenibbli għall-investituri.
“Madanakollu l-Gvern mhux se jistrieħ fuq dawn is-suċċessi. Għalhekk, qegħdin kontinwament inħarsu lejn żvilupp ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda b’investituri li joperaw f’industriji ta’ valur għoli”
Il-Prim Ministru qal li Malta qed tikkompeti ma’ ħafna ġurisdizzjonijiet oħra iżda qal li pajjiżna għandu benefiċċji uniċi għal investituri li jridu jistabbilixxu lilhom infushom fl-Ewropa jew jespandu operat dinji.
Malta hija membru tal-Unjoni Ewropea u taż-żona ewro, b’sehem attiv fil-Commonwealth, u b’relazzjoni eċċelenti mal-Istati Uniti. Fl-aħħar snin, kumpaniji Amerikani bħal Crane Currency u Starr Insurance għażlu lil Malta bħala d-dar Ewropea tagħhom.
Raġuni ewlenija hija l-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiżna fiċ-ċentru tal-Mediterran, li tagħti aċċess lil investituri għal Ewropa, l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani.
Kif għamel fil-qasam tal-kannabis għal użu mediċinali u d-Digital Ledger Technologies, il-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ il-qafas leġiżlattiv biex joffri l-aqwa ambjent minn fejn din it-tip ta’ attività kummerċjali tista’ topera u tespandi.
Dr Muscat semma kif Malta tiggarantixxi wkoll stabbilità politika li l-investituri għandhom bżonn biex jagħmlu investiment fit-tul.
Intant, wara d-diskors tiegħu, Dr Muscat wieġeb għad-domandi tal-investituri li xtaqu jkunu jafu iktar dwar oqsma differenti bħal blockchain u l-eSports bil-għan li jikkunsidraw lil Malta bħala l-post fejn jagħmlu l-investimenti futuri tagħhom.
Fl-istess avveniment tkellem ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela, li spjega kif Malta u l-Istati Uniti ħadmu flimkien tul is-snin biex jiddefendu valuri importanti bħad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u s-saltna tad-dritt. Dawn ir-rabtiet komplew jissaħħu meta komunitajiet Maltin bdew jgħixu f’partijiet differenti tal-Istati Uniti.
Il-Ministru Abela qal li l-Gvern Malti huwa magħruf għall-aġenda riformista tiegħu u għall-mentalità li għandu favur in-negozju f’dinja globalizzata. Għalhekk, pajjiżna huwa kommess li fiż-żmien li ġej ikompli jibni relazzjonijiet aktar b’saħħithom mal-Istati Uniti biex jikbru l-opportunitajiet għaż-żewġ naħat b’qagħda ekonomika aħjar għal kulħadd.