Kull min daħal il-Belt dalgħodu sab tistennieh tiżwiqa sħiħa ta’ attivitajiet bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2019, li varjaw minn parata u kunċert għal wirja ta’ evakwazzjoni u żjarat ft-toroq u ċ-ċisterni li hemm taħt il-belt kapitali.
L-attivitajiet tal-lum bdew b’parata tul Triq ir-Repubblika mill-Banda tal-Forzi Armati u l-Banda tal-Pulizija. Il-parata ntemmet f’Misraħ San Ġorġ, fejn iż-żewġ baned għamlu kunċert flimkien. Huma esegwew siltiet li niżlu għasel mal-pubbliku billi huma magħrufin sew, fosthom marċijiet, siltiet minn soundtracks ta’ films kif ukoll melodiji ta’ kompożituri Maltin.
Hekk kif intemm il-kunċert, bdew attivitajiet mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li wettaq simulazzjoni ta’ evakwazzjoni mill-Palazz tal-Gran Mastru f’Misraħ San Ġorġ stess. Membri tad-dipartiment għamlu wkoll diversi wirjiet ta’ tifi tan-nar u logħob interattiv li fihom setgħu jieħdu sehem kemm l-adulti kif ukoll it-tfal.
Uffiċjali pubbliċi mid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni kienu wkoll fuq il-post fejn qassmu tagħrif dwar il-mod kif taħdem din id-diviżjoni.
Mill-11.00am ‘il quddiem, il-pubbliku ngħata l-opportunità li jiskopri bla ħlas it-toroq u ċ-ċisterni li hemm moħbija taħt il-Belt Valletta, matul attività organizzata minn Heritage Malta li se tkompli għaddejja l-għada l-Ħadd 29 ta’ Settembru.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, attenda għall-attivitajiet li ġew organizzati llum u esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-konkorrenza qawwija li reġa’ kien hemm min-naħa tal-pubbliku biex isir jaf aktar dwar kif jaħdem is-Servizz Pubbliku permezz tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, li din id-darba għandha t-tema ‘Lejn Servizz ta’ Eċċellenza’.
Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2019 tasal fi tmiemha għada, b’ġurnata ta’ attivitajiet edukattivi u divertenti għall-familja kollha fl-Għammieri, fejn se ssir ukoll laqgħa mal-klijenti dwar servizz.gov.