L-interess li dejjem kellha fl-isports wassalha biex tibda titħarreġ fil-ġiri f’korsa bl-ostakli, biex issa se tkun l-ewwel Maltija li tirrappreżenta lil pajjiżna fil-kampjonat dinji ta’ dan l-isport f’Kalifornja.
ONE News żar waħda mis-sessjonijiet ta’ taħriġ ta’ Yasmine McGahern jiem qabel tħalli lil pajjiżna.
Spjegat kif bdiet din l-esperjenza fl-isport għall-gost iżda bdiet tintebaħ li kellha l-potenzjal biex iġġib ir-riżultati jekk tieħdu bis-serjetà.
McGahern stqarret “Fil-bidu tlajt il-Ġermanja għamilt tellieqa għall-gost, konna grupp kbir u minn hemmhekk qisni vera ħadt gost, tħoss motivazzjoni kbira la tlesti t-tellieqa u vera ħassejtni kuntenta u mbagħad bdejt nitrenja naqra bis-serjeta. Tlajna l-Italja, għaqqadna grupp kbir f’April u hemmhekk tellaqt u irbaħt waħda fil-kategorija tiegħi.”
Hija ġiet it-tielet minn l-età tagħha fil-ġirja tal-21 km u l-ewwel mill-età fl-14-il kilometru. Dan wassalha biex tikkwalifika għall-kampjonat Ewropew li sar f’Ġunju fid-Dolomiti. Hemmhekk, fost l-aħjar atleti fl-Ewropa rnexxielha tidħol fit-tmien post u kwalifikat għall-kampjonat dinji f’Kalifornja.
Hi tenniet li tinsab “Eċċitata ħafna għax ħdimt ħafna għaliha din u għandi mitt ġenn biex nitla’ biex nara x’se jkun hemm, pero qed nibża naqra ukoll. Ħa jkolli ħafna altitude hemmhekk u qed nibża li sa taffetwani fil-ġiri. Infatti qed nagħmel naqra altitude training, ħafna training għat-tlajja għax se jkolli tlajja koroh.”
Il-kowċ tagħha, Alan Fava minn ‘Tough Training Malta’ spjegalna kif bħal kull sport ieħor, sabiex tikseb suċċess trid tbati.
Fava sostna “ Bdejt dan l-isports qisu ħames snin ilu u Malta ftit li xejn kien hawn nies. Issa f’daqqa waħda sar qisu sport, hemm min jagħmlu għall-gost anke bħala team building iktar, imma hawn ħafna atleti qed jaqilbu minn just running għax hawn min jiddejjaq jiġri biss biex jagħmel anke ‘obstacle racing’ fejn għandek anke ċertu saħħa u trid, it-training tiegħek se jinbidel.”
Yasmine qaltilna li issa li tinsab bieb u għatba mal-kompetizzjoni tinsab ffukata u lesta sabiex iġġib riżultat tajjeb għaliha u għall-pajjiżna.