L-Aġent Prim Ministru ltaqa’ ma’ numru ta’ tobba Maltin li kmieni dan ix-xahar rebħu l-European Resuscitation Council CPR Competition 2019.
Din is-sena l-kompetizzjoni ttellgħet f’Ljubljana, Slovenja, u ħadu sehem fiha 11-il pajjiż. Malta hi t-tieni darba li rebħet din il-kompetizzjoni.
Il-cardiopulmonary resuscitation (CPR) hi proċedura li ssir meta tipprova terġa’ tħaddem il-qalb li tkun għadha kif waqfet. Din tinvolvi tagħfis fuq il-qafas tas-sider u xi drabi xokkijiet.
L-għan tal-kompetizzjoni hu li joħloq għarfien dwar l-importanza tas-CPR.
CPR jista’ jsir minn kwalunkwe persuna, anke mit-tfal, sakemm tasal l-għajnuna medika u b’hekk inkunu nistgħu nsalvaw aktar ħajjiet.
Waqt il-laqgħa l-grupp ta’ tobba tkellmu dwar l-importanza li aktar nies fis-soċjetà tagħna jkunu jafu jagħmlu CPR u kemm din il-proċedura tista’ ssalva ħajjiet.
It-tim rebbieħ Malti kien jinkludi lil Dr Anthea Pisani, Dr Andre Mercieca, Dr Maureen Bezzina Sultana, Dr Carl Tua u Dr Karen Sapiano taħt id-direzzjoni ta’ Dr Ann Marie Camilleri Podesta u ta’ Dr Tanya Esposito.
Ritratti (ODPM-MFH)