It-tħejjijiet għat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ngħataw spinta u jinsabu fi stadju avvanzat biex il-gvern u s-settur privat ikunu lesti għal kull eventwalità. Dan permezz ta’ proċess inter-Ministerjali kkordinat mid-Dipartiment tal-Koordinazzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza.
Id-dettalji dwar l-aħħar pjanijiet u l-ispettru sħiħ ta’ miżuri ta’ kontinġenza ġew preżentati lill-imsieħba soċjali waqt laqgħa tal-MEUSAC Core Group. Iċ-ċittadini, it-trasport, l-ivjaġġar, it-turiżmu, il-kummerċ, u l-istudenti kienu fost it-temi trattati mal-imsieħba soċjali wara preżentazzjoni mill-Kap tad-Dipartiment tal-Koordinazzjoni tal-Unjoni Ewropea Glenn Micallef.

Minister for European Affairs and Equality Edward Zammit Lewis and Parliamentary Secretary for European Funds and Social Dialogue Aaron Farrugia participate in the MEUSAC Core Group meeting
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li Brexit se tħalli impatt fuq il-baġit Ewropew li jmiss għal perjodu bejn l-2021-2027 kif ukoll fuq il-programm Erasmus; żewġ oqsma li huma fuq nett tal-aġenda tas-Segretarjat Parlamentari. Huwa żied li ma nistgħux nikkonkludu l-ftehim dwar il-baġit Ewropew li jmiss qabel ma jkollna Brexit warajna. Dan se jirriżulta f’diskrepanza ta’ madwar 12-il biljun ewro fil-baġit li jmiss, u dan ifisser li se jkun hemm tnaqqis fil-baġit u awtomatikament fil-fondi ta’ koeżjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Dr Farrugia nnota ukoll li tluq mhux ordnat iħalli impatt fil-baġit Ewropew preżenti għax dan jaf ifisser li r-Renju Unit jista’ jiddeċiedi li jwaqqaf il-kontribuzzjonijiet tiegħu sa mill-31 ta’ Ottubru 2019. Dan iħalli ħofra fil-baġit Ewropew ta’ madwar €11 biljun, li jridu joħorġu mill-bwiet tal-Istati Membri Ewropej l-oħra biex tinżamm l-ispiża maqbula sat-tmiem tas-sena 2020, bil-programmi affetwati jinkludu l-fond tal-politika ta’ koeżjoni u tal-politika tal-agrikoltura.
Dwar il-programm Erasmus, Farrugia qal li filwaqt li l-arranġamenti preżenti ma’ istituzzjonijiet edukattivi Brittaniċi se jibqgħu fis-seħħ, irridu nkunu kawti biex naraw jekk wara Brexit, ir-Renju Unit hux se jibqa’ parteċipi fi skemi edukattivi. F’dan ix-xenarju, is-Segretarju Parlamentari Farrugia ħabbar li se jkollu laqgħat f’Berlin fil-ġimgħat li ġejjin biex isaħħah ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi anke għaliex l-Irlanda hi fost l-aqwa pajjiżi fit-tħaddim tal-programm Erasmus.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis qal li s-sitwazzjoni dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea tibqa’ fluwida ħafna u l-Ministeru jibqa’ kommess li jixpruna t-tħejjijiet fil-livelli kollha tal-gvern biex kemm is-settur pubbliku u dak privat ikunu mħejjija bl-aqwa mod possibli. Dan biex effettivament jonqos l-impatt fuq l-ekonomija Maltija li żammet ir-rittmu pożittiv ta’ tkabbir b’saħħtu li qed jirriżulta fi kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.
F’dan ir-rigward, il-Ministru ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin id-Dipartiment responsabbli se jestendi s-servizzi tiegħu biex ikun aktar aċċessibbli għal kull min jirrikjedi għajnuna jew informazzjoni dwar il-pjanijiet ta’ kontinġenza. Dan filwaqt li se titnieda kampanja bil-għan li tikkonsolida l-ħidma kollha li saret b’mod koerenti.

Minister for European Affairs and Equality Edward Zammit Lewis and Parliamentary Secretary for European Funds and Social Dialogue Aaron Farrugia participate in the MEUSAC Core Group meeting
Dwar il-baġit Ewropew li jmiss, il-Ministru Zammit Lewis ġedded l-impenn tiegħu biex inġibu l-aqwa ftehim lejn pajjiżna, u dan fil-kuntest tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali li kiseb dan il-Gvern minn meta ġie negozjat l-aħħar pakkett finanzjarju.
Fuq nota oħra, il-Ministru sostna li l-MEUSAC tibqa’ ċentrali għall-għan strateġiku li nqarrbu l-Unjoni Ewropea dejjem aktar lejn in-nies. Għaldaqstant, il-Ministru Zammit Lewis tenna l-impenn tiegħu li jkompli jinvesti f’din l-aġenzija ewlenija li hija ħolqa importanti bejn l-Unjoni Ewropea, il-gvern, is-settur privat u ċ-ċittadini kollha.