Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qiegħed fuq żjara uffiċjali f’Montreal, fejn ipparteċipa fl-Assemblea tal-Għaqda Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti speċjalizzata fuq l-avjazzjoni. Din l-assemblea ssir kull tliet snin fejn fiha jiltaqgħu l-istati membri kollha ta’ madwar id-dinja biex jiddiskutu diversi temi tekniċi, ekonomiċi, u legali filwaqt li jiġu eletti wkoll il-membri l-ġodda tal-kunsill.
Matul din iż-żjara, il-Ministru flimkien mal-uffiċjali tal-Awtorità għat-Trasport ipparteċipaw f’numru ta’ laqgħat bilaterali, b’mod speċifiku maċ-Chile, il-Kolombja u l-Brażil. Diskussjonijiet biex jintlaħaq qafas regolatorju u jiġu konklużi air service agreements ma’ dawn il-pajjiżi ilhom għaddejjin u fil-fatt, f’Ġunju li għadda, Air Service Agreement mal-Brażil kien diġà ġie konkluż. Matul dawn il-laqgħat f’Montreal, ftehimiet simili ġew konklużi u ffirmati maċ-Chile u l-Kolombja. Dan huwa mistennija li jkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija filwaqt li jattiraw aktar investimenti f’pajjiżna. Dan qed isir fl-isfond tax-xogħol li l-Ministeru qed jagħmel biex jiġu stabbiliti aktar rotot tal-ajru mal-pajjiżi tal-Amerika t’Isfel.
Dwar dan kollu, il-Ministru Ian Borg qal, “Is-settur tal-avjazzjoni llum qiegħed jara tkabbir bla preċedent u saħansitra sar wieħed mill-pilastri tal-ekonomija f’pajjiżna. Il-ħidma tal-Gvern għaddejja lejl u nhar kemm f’pajjiżna kif ukoll ’il barra minn xtutna. Bħala stat gżira, niddependu fuq il-konnettività, u huwa importanti li nkomplu naħdmu fuq relazzjonijiet aktar b’saħħithom u koperazzjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru. Dan għandu jwassal għal aktar opportunitajiet biex inkomplu niġbdu l-investiment lejn Malta u nkomplu nkabbru s-settur tal-avjazzjoni.”
Min-naħa tiegħu d-Direttur tal-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili l-Kaptan Charles Pace qal, “Id-Direttorat jinsab sodisfatt ħafna bl-avvanzi li għamilna u bit-twessigħ li qegħdin naraw fis-servizzi tal-avjazzjoni f’pajjiżna. Bħala d-direttorat responsabbli mir-reġistrazzjoni, minn dawn il-ftehimiet kif ukoll li tirrappreżenta lil pajjiżna fl-ICAO, se nkomplu naħdmu biex pajjiżna jkompli dejjem jara tkabbir u suċċess anke fis-settur tal-avjazzjoni.”
Ritratti: MTIP