Fil-ġimgħa ta’ impenji marbuta mal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħa l-okkażjoni biex jerġa’ jiltaqa’ mal-komunità Maltija fi New York.
Flimkien mas-Sinjura Muscat, il-Prim Ministru kellu l-opportunità biex jiltaqa’ u jitkellem ma’ ġenerazzjonijiet differenti ta’ Maltin li llum qed jgħixu ħajja ta’ suċċess fl-Istati Uniti.
Fid-diskors tiegħu, Dr Muscat esprima l-apprezzament tiegħu għall-mod pożittiv kif il-komunità Maltija dejjem tilqa’ lill-mexxejja Maltin għaliex, filwaqt li llum huma wkoll ċittadini Amerikani, baqgħu jgħożżu lil art twelidhom u jħossuhom Maltin.
Il-Prim Ministru spjega kif għaddej xogħol qawwi biex il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, tibda topera titjiriet diretti lejn New York għall-ewwel darba fl-istorja. Qal li huwa fiduċjuż li fi żmien sena wieħed ikun wasal qrib li jkun hemm tħabbiriet.
Il-Prim Ministru radd ħajr lir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Ġnus Maqgħuda Carmelo Inguanez, li issa wasal lejn l-aħħar tat-terminu tiegħu, għax-xogħol tajjeb ħafna li wettaq biex pajjiżna jibni relazzjonijiet iktar b’saħħithom ma’ din l-istituzzjoni dinjija.