Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi eca, waqt konferenza tal-ECAD (European Cities Against Drugs) li tiġbor 48 pajjiż minn madwar l-Ewropa, spjegat l-impenn ta’ pajjiżna li fix-xhur li ġejjin jikkonsolida l-ħidma tal-Gvern biex jintbagħat messaġġ b’saħħtu b’rabta mar-riforma tal-kannabis għall-użu mhux mediku.
Waqt din il-konferenza ġie diskuss il-mudell Iżlandiku li wara 20 sena ġab trasformazzjoni fil-mod kif l-Iżlanda rreaġixxiet u indirizzat problema qawwija li l-pajjiż kellu fost tfal li kienu jużaw l-alkoħol b’mod eċċessiv.
Is-Segretarju Parlamentari spjegat li l-mudell li qed jimxi fuqu pajjiżna b’rabta mar-riforma tal-kannabis hu msejjes fuq il-mudell Iżlandiku. Dan il-mudell Malti se jkun qed jindirizza tliet pilastri ewlenin li huma:
– Investiment bla preċedent f’oqsma bħal sports, arti u kultura;
– Kampanja edukattiva fost it-tfal u ż-żgħażagħ f’pajjiżna, u;
– Kampanja fejn il-ġenituri jkollhom irwol ewlieni u l-għodda meħtieġa biex ikunu f’katina mal-kampanja edukattiva li se jniedi l-Gvern.
Is-Segretarju Parlamentari spjegat li minbarra dan il-pedament b’saħħtu f’Malta, simultanjament, trid tkompli d-diskussjoni dwar kif il-pajjiż irid joffri mekkaniżmu għall-utenti tal-kannabis adulti biex minflok jibqgħu jinżlu fit-triq perikoluża tat-traffikanti tad-droga, jixtru l-kannabis minn struttura awtorizzata.
Waqt din il-konferenza tkellmet ukoll Heiða Björg Hilmisdóttir, politikanta Iżlandiża, li spjegat is-suċċess tal-mudell Iżlandiku.
John Charles Ellul, kriminologu u lettur fl-Università ta’ Malta u konsulent fuq ir-riforma tal-kannabis, tkellem dwar l-esperjenzi ta’ żgħażagħ li ġejjin minn pajjiżi fejn huma esposti għal tagħrif u opportunitajiet li bihom jistgħu jeċċellaw. Hemm prova ċara ta’ kemm dawn il-miżuri huma effettivi u ta’ suċċess. Minkejja dan, wieħed irid japrezza l-fatt li min ipejjep it-tabakk, jixrob jew juża l-kannabis b’mod responsabbli, ma jistax jitpoġġa fil-keffa ġenerika tal-ħażin. Huwa semma l-obbligu li jinħoloq mekkaniżmu ta’ harm reduction.
Il-Kunsillier Mario Fava, President tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali u li ilu għal dawn l-aħħar disa’ snin membru fil-bord eżekuttiv tal-ECAD, spjega li f’dawn il-jumejn, Malta kienet onorata li laqgħet fi ħdanha din il-konferenza u faħħar il-kontribut ta’ ideat b’saħħithom li ħarġu mill-istakeholders preżenti. Qal ukoll li l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali kienet strumentali sabiex fost il-pajjiżi kollha fl-Ewropa, Malta għandha l-ikbar ammont ta’ membri fl-ECAD b’24 belt u raħal madwar Malta u Għawdex.