“Fis-Servizz Pubbliku rridu nħarsu lejn in-nies fil-kumplessità kollha tagħhom, nagħrfu meta persuna jkollha bżonn l-għajnuna, u nagħtu l-għajnuna fil-waqt.” Dan qalu s-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, meta indirizza l-konferenza ‘Għajnuna fil-Waqt’, li kienet tittratta s-servizzi offruti mill-Employee Support Programme (ESP) fi ħdan is-Servizz Pubbliku. Il-konferenza kienet waħda mill-attivitajiet organizzati bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2019 u matulha sar aċċenn partikolari fuq is-servizzi offruti mill-ESP lill-membri tal-korpi dixxiplinati.
Is-Sur Cutajar qal li f’dawn l-aħħar sitt snin sar investiment qawwi fil-korpi dixxiplinati u fin-nies tagħhom u b’hekk qed jingħata rikonoxximent bil-fatti lil dawn il-korpi. Żied jgħid li din tal-lum mhix sempliċiment konferenza li tintesa malli tintemm, iżda tfisser il-bidu ta’ ħafna aktar xogħol li jrid isir biex jitwettqu l-bidliet meħtieġa. Id-diretturi fi ħdan is-Servizz Pubbliku li għandhom x’jaqsmu mar-riżorsi umani huma l-aġenti ta’ dawn il-bidliet.
Il-konferenza ‘Għajnuna fil-Waqt’ kienet indirizzata wkoll minn Dr Walter Busuttil, konsulent psikjatra b’esperjenza twila fil-kura ta’ persuni rtirati mill-korpi dixxiplinati u veterani tal-gwerra; Dr Natalie Kenely, Kap tad-Dipartiment tal-Politika Soċjali u l-Ħidma Soċjali fl-Università ta’ Malta; is-Sur Emanuel Psaila, Direttur tal-Protezzjoni Ċivili; u s-Sinjura Stelmart Khalil, Assistent Direttur fi ħdan l-Employee Support Programme.