Rapport ġdid tan-Nazzjonijiet Magħquda iwissi li t-tibdil fil-klima qed jeqred l-ibħra u ż-żoni ffriżati agħar minn qatt qabel. Grupp ta’ xjentisti qed jgħidu li l-livell tal-baħar qed jogħla, is-silġ qed idub u diversi speċi qed jitilqu mill-abitat tagħhom minħabba attivitajiet magħmula mill-bniedem.
In-nuqqas irriversibbli ta’ żoni ffriżati qed ipoġġi theddida li joħroġ aktar karbonju fl-atmosfera, b’konsegwenza li l-proċess tat-tibdil fil-klima jkun aktar mgħaġġel. Minkejja dawn l-iskoperti, xorta waħda l-agħar impatti jistgħu jiġu evitati u dan permezz ta’ tnaqqis qawwi u b’mod immedjat fl-emissjonijiet tal-karbonju.
Dan huwa t-tielet rapport maħruġ minn dan il-grupp ta’ xjentisti din is-sena u li huwa meqjus l-aktar inkwetanti fost it-tliet rapporti. Fl-ewwel rapport taw ħarsa lejn kif id-dinja tista’ ssalva jekk it-temperaturi jogħlew b’1.5°C sa tmiem dan is-seklu u fit-tieni wieħed semmew kif l-art tiġi affetwata minħabba t-tibdil fil-klima.