B’investiment ta’ 250,000 ewro, l-Aġenzija tal-Infurzar lokali l-LESA, investit fi flotta ġdida ta’ vetturi li se jintużaw mill-uffiċjali tal-komunità.
L-20 mutur u s-6 karozzi ġodda bdew jintużaw l-Erbgħa filgħodu wara li żżanżnu fi Pjazza San Ġorg fil-Belt. Dawn se jingħaqdu mal-flotta tal-LESA biex l-aġenzija tkun tista’ taqdi d-dmirijiet tagħha aħjar.
Il-LESA investit ukoll f’ilbies protettiv li jintuża sabiex iħares is-sigurtà tal-uffiċjali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Ray Zammit ħabbar li se tinħareġ ukoll sejħa pubblika, sabiex fi zmien li ġej ma’ din il-flotta jingħaqdu għoxrin vettura oħra favur l-ambjent. Saħaq li filwaqt li l-LESA se tkompli tinvesti, se jkollha bżonn tingaġġa aktar persuni magħha.
Zammit stqarr li “Ħassejna li f’kull lokalità rridu nżiedu l-personnel. Saru reklutaġġi u issa għandna bżonn iktar nies biex nqarrbu l-mitejn ruħ”.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-viċi sindku tal-Belt Ray Azzopardi li appella sabiex fiż-żoni residenjzali u fiż-żona kummerċjali jkun hemm aktar uffiċjali tas-sigurtà, biex jindirizzaw il-problema tal-pickpocketing fiċ-ċentru tal-kapitali u l-abbuż li qiegħed isir f’żoni residenzjali.
Azzopardi sostna li: “Il-Kunsill iħoss li żona kummerċjali jiġu mgħassa b’mod tajjeb. Fiż-żona residenzjali nixtiequ li jkun hemm warden bil-lejl, għalkemm jiswa ħafna flus, forsi jintervjeni l-Gvern, għax il-belt iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar isir żona kummerċjali”.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u l-Komunità Silvio Parnis tkellem dwar l-irwol importanti tal-LESA, sabiex flimkien mal-pulizija u t-Transport Malta, jagħmlu l-infurzar li hemm bżonn u jservu liċ-ċittadini tagħna.
Parnis stqarr li “Il-LESA se tkun aktar armata biex tara li l-poplu ma jiksirx ir-regoli, il-maġġoranza tal-poplu ma jarmiex l-iskart bl-addoċċ u ma jiksirx ir-regoli. B’dan l-investiment il-lesa se tkun tista’ tinforza aktar”.