Kburin li Maltin. Tajjeb jew Ħażin. L-abjad u l-Aħmar. Kunu afu li bikom kburin.
Din hija parti mil-lirika tar-ritornell ta’ kanzunetta ġdida li nieda l-grupp Malti South End Core. Grupp li l-għan tiegħu hu li jagħti l-appoġġ lit-timijiet nazzjonali tal-futbol, tar-rakbi, tal-waterpolo, tal-handball u tal-Olimpjadi.
Kif jispjega Dillon Mercieca, b’din il-kanzunetta hemm il-ħsieb li jingħata ġieħ lil dak kollu li sawwar l-istorja Maltija.
Mercieca stqarr li “Ridt insemmi l-affarijiet li missirijietna għaddew fosthom il-gwerer, fosthom il-bombi li pajjiżna ġie bbumbardjat, fuq li inti Malti u kburi li tmur tara pajjiżek barra minn Malta, li ħa tmur fl-Ewropa u dejjem ħa ssemmi lil Malta kburin b’pajjiżna”.
Lilhinn mill-element sportiv, il-kanzunetta hija msejsa fuq l-għaqda bejn il-Maltin, li minkejja d-diversi kuluri marbuta mal-partiti, festi, u gruppi diversi, meta jara l-abjad u l-aħmar, il-Malti jinsa l-pika.
Mercieca temm jgħid li “Meta tara l-bandiera bajda u ħamra tinsa l-pika. Tinsa r-riżultat tal-ġimgħa l-oħra. Tinsa x’ġara f’festa partikolari. Tinsa x’ġara lbieraħ, li l-abjad u l-aħmar huwa dak li jgħaqqadna. Il-bandiera Maltija hija dik li ttina s-saħħa li meta nkunu grupp f’daqqa, inkunu wieħed mill-aqwa pajjiżi”.