Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li Malta għadha impenjata li tkompli żżid l-effiċjenza fl-enerġija f’diversi setturi u l-politika u l-miżuri fil-qasam tal-enerġija effiċjenti se jkunu inklużi fit-taqsimiet relevanti fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima finali ta’ Malta.
Waqt li kien qed jindirizza l-Kunsill tal-Ministri tal-Enerġija fi Brussell, il-Ministru Joe Mizzi tkellem dwar l-importanza tal-inklużjoni tat-teknoloġiji ta’ enerġija rinovabbli fuq skala żgħira fil-bini sabiex jintlaħqu l-obbligi mixtieqa għall-iffrankar tal-enerġija. Fir-rigward tal-enerġija rinovabbli qal li l-politika tal-gvern tibqa’ li tappoġġa l-iżvilupp ta’ sorsi effettivi ta’ enerġija rinovabbli indiġeni u li tikkopera fuq livell reġjonali għax dan jista’ jwassal f’benefiċċji għal kulħadd.
“F’dan ir-rigward aħna fiduċjużi li l-kontribuzzjoni ta’ Malta se tkun evalwata b’kunsiderazzjoni sħiħa għall-ispeċifiċitajiet relevanti tagħna,” żied jgħid il-ministru.
Il-bidla tal-Unjoni Ewropea lejn klima newtrali sal-2050 ilha fuq nett fl-aġenda tal-Unjoni Ewropea. Matul dan il-proċess irriżulta b’mod ċar li s-setturi kollha għandhom bżonn jikkontribwixxu u jadottaw bidla fil-mod ta’ kif joperaw.
Il-Ministru spjega li bħalissa Malta tinsab fil-fażi tal-abbozz tal-long-term strategy. Bħalissa qed jiġu identifikati u evalwati l-politika u l-miżuri biex ikunu inklużi fid-dokument strateġiku finali li għandu jitlesta sal-2020.
“Aħna nemmnu li Malta jista’ jkollha rwol kruċjali fl-istrateġija tal-Unjoni lejn newtralità tal-klima fis-settur tal-enerġija. Fl-istess ħin irridu nirrikonoxxu l-isfidi li niffaċċjaw u nevitaw sistema ta’ one-size-fits-all sabiex nilħqu l-livell mixtieq ta’ dekarbonizzazzjoni”.
“F’dan il-kuntest importanti wkoll li niftakru fl-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea Clean Energy for EU Islands u l-Valletta Declaration iffirmata fl-2017.
Il-Ministru kkonkluda li f’dan ir-rigward pajjiżna se joffri b’ħerqa l-appoġġ tiegħu lill-Presidenza Kroata li jmiss fl-2020 biex inkomplu mal-Valletta Declaration.
Ritratt (MEW)