Dik li suppost kellha tkun żjara għand l-għaqda Nanniet Malta bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista għal jum l-indipendenza malajr daret fi ħmar il-lejl għall-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Fl-uffiċċju ta’ Nanniet Malta f’Santa Venera, il-Kap Nazzjonalista ntlaqa’ mill-fundatur tal-għaqda Philip Chircop, li hekk kif it-tnejn poġġew bil-qiegħda, ħabbarlu bla tlaqliq li se jirreżenja mill-Partit Nazzjonalista.
Chircop stqarr li “Ħa jkolli nirreżenja mill-partit u qed ngħid dan b’mod uffiċjali għax nisma’ affarijiet, jasluli, u min jgħidlek dak qed jilgħaq għax hemm il-Gvern qed jilgħaq. Mhu veru xejn, jiena l-Gvern u l-oppożizzjoni nkellimhom għax għall-grazzja t’Alla la mill-gvernijiet u l-oppożizzjonjiet preċedenti u lanqas mill-gvern tal-lum ma ħadtx sold li hu sold personali jew favur personali”.
Chircop, li huwa eks-membru tal-Kunsill Amministrattiv Nazzjonalista u eks-assistent personali ta’ Eddie Fenech Adami, qal li se jagħmel dan minħabba l-qasma tal-Partit f’żewġ fazzjonijiet.
Huwa implora lill-Kap Nazzjonalista sabiex irażżan l-elementi li qegħdin jiżirgħu l-firda għax qal li l-pajjiż għandu bżonn żewġ forzi politiċi b’saħħithom.
Chricop tenna li “L-elettorat sija naħa u sija oħra jrid li jkun hawn żewġ forzi fil-pajjiż”.
Viżibilment maħsud għal din id-dikjarazzjoni skjetta ta’ Chircop, Delia deher jibdel il-kuluri.
Tant li spiċċa jgħid lil Chircop biex jekk għandu xi ħaġa xi jgħid, jgħidha quddiem il-mezzi tax-xandir.
Hawnhek Chircop stieden lil Delia biex jitkellem hu, iżda Delia, mifxul b’riżenja oħra ma’ wiċċu mill-partit li skontu hemm mewġa li qed tikber u tersaq lejn il-partit, wieġbu li ma kellux iktar xi jgħid.
Delia qal: “Jien ħsibt li ġejna biex nitkellmu fuq l-anzjani, jekk trid tagħmel speeches inti hawn il-midja, meta tlesti għidli imbgħad forsi ngħid żewġ kelmiet”.