25 student li jistudjaw l-inġenerija fil-kulleġġ Malti għax-Xjenza u-Teknoloġija l-MCAST se jaraw l-istudju tagħhom mgħejjun b’apparat u għajnuna mill-industrija.
Dan hekk kif tnediet l-iskema ta’ scholarship bl-isem ‘industry on campus’, għal studenti li qed jistudjaw l-inġinerija ta’ sistemi ta’ arja kkundizzjonata u refriġerazzjoni.
Id-Direttur tal-istitut, inġinerija u trasport Stephen Sammut saħaq kif din l-iskema se tara li l-istudenti mhux biss ikollhom it-tagħlim tagħhom li jimxi id f’id mal-industrija iżda għandhom is-serħan tal-moħħ li kull student li jlesti l-istudju tiegħu b’suċċess għandu impjieg jistennieh.
“Din l-iskema anke permezz tal-partners tagħna industrijali, l-ACIA, ħa nkunu qiegħdin noffru lill-istudenti tagħna sponsorship u garanzija ta’ xogħol. Plus hekk l-assoċjazzjoni se tkun qed tipprovdi l-MCAST b’ekwipaġġament li se jkun qed jintuża mill-istudenti fit-taħriġ tagħhom.”, qal Sammut.
Il-President tal-ACIA Oliver Brownrigg, qal li dawn l-iskemi mhumiex biss pożittivi għall-istudenti iżda wkoll għall-industrija.
“Ħassejna bżonn kbir biex l-industrija tingħaqad ħalli b’hekk inkunu nistgħu ikollna vuċi waħda mal-awtoritajiet ikkonċernati biex nagħmlu platforms aħjar għall-istudenti u għall-industrija, biex b’hekk inkunu nistgħu insibu u nsolvu diffikultajiet u challenges li għandna bħalissa biex naqdu l-klijentela tagħna.”, qal is-Sur Brownrigg.
Il-Prinċipal, James Calleja qal li din hija l-filosofija tal-Kulleġġ li qed timmira li tħaddan b’mod sħiħ l-prinċipju li t-tagħlim jimxi id f’id mad-dinja tax-xogħol u l-bżonnijiet tal-industrija. Qal kif din l-iskema se tkun muddel tajjeb li fuqha se tinbena s-sistema edukattivi ta’ setturi differenti.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo stqarr kif l-istudenti irridu noffrulhom sistema edukattiva li tagħtihom opportunitá jsolvu problemi realistiċi li jkunu utli fuq il-post tax-xogħol. Saħaq li skemi bħal dawn jawguraw tajjeb għal dan il-għan.