Fi tmiem laqgħa dwar l-immigrazzoni f’Malta ntlaħaq ftehim bejn il-ħames pajjiżi parteċipanti għal tfassil ta’ mudell għall-iżbark u r-rilokazzjoni tal-immigranti li jiġu salvati fil-baħar Mediterran.
B’veduta tal-Port il-Kbir fl-isfond ħames ministri Ewropej inkarigati mill-immigrazzjoni iltaqgħu sabiex jiddiskutu s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni lejn l-Ewropa. Din kienet waħda mill-inizjattivi li ttieħdu fl-aħħar xhur sabiex tinstab soluzzjoni għal kriżi umanitarja li laqtet il-baħar Mediterran. Kriżi umanitarja li pajjiżna minħabba l-qgħada ġeografika tiegħu jinsab propju f’nofsha.
Kien għalhekk f’loku li pajjiżna jospita din il-laqgħa li attendew għaliha l-Ministri tal-Intern ta’ Malta, Italja, Franza, Ġermanja u l-Finlandja li għandha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Għal-laqgħa attenda wkoll il-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni Dimitris Avramopoulos.
Wara laqgħa li bdiet kmieni filgħodu u spiċċat wara nofsinhar il-ministri laħqu ftehim u fasslu dokument li la darba jsib l-appoġġ tal-maġġoranza tal-membri tal-unjoni ewropea se jwassal sabiex il-piż tas-salvataġġ u r-rilokazzjoni tal-immigranti jinqasam bejn il-pajjiżi kollha tal-unjoni ewropea.
Fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet dwar l-eżitu tal-laqgħa, il-Ministru għall-intern, Michael Farrugia qal li dan il-ftehim se jara li mhux pajjiżna u l-Italja biss jerfgħu il-piż tal-immigrazzjoni.
Il-Ministru Farrugia qal: “Il-ftehim huwa illi ħa npoġġuħ quddiem il-membri stati, il-membri stati iridu jersqu l-quddiem u mhux dejjem bil-fors Malta jew l-Italja kif inhija llum. Imma li jrid ikun hemm iktar pajjiżi li jipparteċipaw fid-disembarkazzjoni u anke fir-rilokazzjoni biex dak illi ġie konkluż illum kapaċi jkun suċċess.”
Il-Ministru Farrugia spjega kif il-pjan se jara li l-pajjiżi ewropej l-iktar milquta bħal Malta ma jġorrux dan il-piż waħidhom. Madankollu huwa fisser dan il-ftehim bħala l-ewwel pass u issa jmiss li dan jiġi milqugħ mit-tmienja u għoxrin pajjiż ewropew waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Intern fit-8 ta’ Ottubru li ġej.
Huwa qal: “Il-proċess jiddependi u għandu diversi stadji oħra. L-ewwel ħaġa irid jiġi preżentat f’Ottubru bħal ma għidt, fil-kunsill tal-ministri għall-intern wara li jekk jiġi aċċettat minn maġġoranza jew minn kulħadd inkunu nistgħu imbgħad naraw kif inpoġġu dak li hemm miktub fil-prattika.”
Qal li ġew diskussi wkoll id-dgħajjes ta’ għaqdiet mhux governattivi li jagħmlu xogħol ta’ salvataġġ fuq il-baħar u li ħafna drabi kienu soġett ta’ kontroversji kbar.
Il-Ministru tal-Intern kompla jgħid: “Ikkonsidrajna wkoll jekk ikun hemm l-NGO boats kif għandhom ikunu ikkontrollati u jkun hemm ċertu regolamenti anke min-naħa tal-flag states tagħhom. Illi anke meta jagħtu liċenzja jagħtuha lil min verament huma dawk l-NGO boats illi kapaċi jagħmlu salvataġġ fuq il-baħar u mhux lil kulħadd.”
Huwa spjega kif il-ftehim u d-dokument imfassal jinkludi wkoll formola sabiex tingħata għajnuna lil dawk il-pajjiżi li jkollhom piż kbir wisq x’iġorru bl-immigranti li jkunu ġew salvati.
Fi Tweet il-Prim Ministru Joseph Muscat laqa’ b’mod pożittiv l-eżitu ta’ dan il-laqgħa dwar l-immigrazzjoni f’pajjiżna u filwaqt li rrikonoxxa li dan kien pass imporantanti qal li dan għadu biss l-ewwel pass għax is-suċċess tiegħu jiddependi minn appoġġ aktar wiesgħa ta’ Ministri Ewropej.
The #MaltaMigrationMeeting achieved progress with a blueprint that can serve as basis for redistribution of #migrants. It is an important step but albeit just one step. Success depends on widespread endorsement. We will continue working together -JM @dr_micfarr @Avramopoulos
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) September 23, 2019