Titnieda it-tieni edizzjoni tal-Gozo Opera Month, xahar sħiħ ta’ attivitajiet relatati mal-opri ġewwa Għawdex.
“Hija missjoni tal-Ministeru għal Għawdex li nistabilixxu lil Għawdex bħala destinazzjoni numru wieħed f’dak li għandu x’jaqsam mal-opri, b’hekk Opera is Gozo għax tassew nemmnu fit-talent kulturali li joffri Għawdex f’dan is-settur,” qalet il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana waqt it-tnedija. Din is-sena qed nibnu fuq is-suċċessi li kellna s-sena l-oħra permezz ta’ xahar sħiħ iddedikat għall-opri, b’approċċ li jmur lil hinn mit-teatri tal-Opra maestużi li għandha fil-qalba tal-gżira Għawdxija.
Apparti dan, din is-sena, għall-ewwel darba, bis-sostenn sħiħ tal-Ministeru għal Għawdex, l-għaqda Classique Foundation ser ittella’ opra oħra, xogħol oriġinali tal-Maestro Vella, biex b’hekk it-total tal-opri waqt l-Opera Month huwa dak ta’ tlieta. Dan kollu qed isir sabiex il-pubbliku jkollu esperjenzi kulturali differenti waqt dan ix-xahar mimli attivitajiet li jolqtu l-gosti ta’ bosta persuni minn sferi ta’ ħajja differenti u anke ta’ etajiet differenti.
Il-Ministru għal Għawdex ikkonkludiet billi rringrazzjat lil dawk kollha li wieġbu għas-sejħa tal-Ministeru għal Għawdex biex ikollna xahar mimli bi programm ambizzjuz u kwalittattiv. Grazzi speċjali lill-każini tal-banda ewlenin fir-Rabat, is-Soċjetà Filarmonika Astra u s-Soċjetà Filarmonika Leone, u lill-Classique Foundation, kif ukoll lil dawk li jieħdu sehem b’mod attiv biex jittellgħu opri ta’ kwalità mill-aqwa li jħabbtuha saħansitra ma’ esebizzjonijiet tal-opra internazzjonali, u dan, qalet il-Ministru Caruana, b’mod volontarju u b’passjoni liema bħala.
Il-Gozo Opera Month jibda mill-1 sal-31 ta’ Ottubru 2019 b’attiviatjiet varji madwar Għawdex kollu. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit visitgozo.com.