Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis għadhom kif nedew it-13-il edizzjoni ta’ Żejt iż-Żejtun.
“Festeġġamenti bħal Żejt iż-Żejtun huma essenzjali biex nitfgħu dawl fuq it-tradizzjonijiet u d-drawwiet tagħna, u din iċ-ċelebrazzjoni annwali qed tiżdied fil-popolarità u hija mfittxija minn ħafna membri tal-pubbliku. Inizjattivi ta’ dan it-tip joffru opportunità mill-aqwa biex nagħmlu l-wirt kulturali tagħna aktar aċċessibbli, speċjalment minħabba li dan tal-aħħar jifforma parti intrinsika tal-identità tagħna. Bħala Gvern aħna impenjati li nkomplu ninvestu f’dan is-settur, b’mod li nagħmluh aktar aċċessibbli u sostenibbli,” stqarr il-Ministru Owen Bonnici waqt it-tnedija.
Żejt iż-Żejtun jiċċelebra l-bidu tal-istaġun tal-ġbir taż-żebbuġ, u jonora l-wirt rurali li hu assoċjat ħafna ma’ din il-parti ta’ Malta. Kull sena, ssir sfilata fejn ikun hemm il-ġarr taż-żebbuġ minn Triq Sant’ Anġlu għall-pjazza tal-knisja. Il-ġemgħa mbagħad tinġabar fuq iz-zuntier tal-knisja għat-tagħsir u t-tberik taż-żebbuġ. L-attivitajiet ta’ mal-lejl jinkludu l-għana, żfin u kant f’partijiet differenti fiż-Żejtun.
Il-Banda Beland u l-Banda Żejtun ukoll se jkunu qed jipparteċipaw, u dakinhar se jkun hemm ukoll spettakli bid-dwal u wirjiet artistiċi.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se jkollha festival internazzjonali taż-żfin folk, fejn 12-il kumpanija barranija se tkun qed tieħu sehem, u l-mużew tal-knisja parrokjali se jkun miftuħ. Verżjoni bil-Malti tal-Commedia del Arte se tittella’ barra l-Kappella tas-Salvatur. Iż-żewġ każini tal-banda se jkunu miftuħa għall-pubbliku filwaqt li l-organist Joe Caruana se jkun qiegħed idoqq l-orgni fil-knisja parrokjali. Kantant tradizzjonali magħrufa se jkunu qegħdin janimaw l-udjenza, filwaqt li se jkun hemm il-folk quddiem il-Kappella ta’ Santa Marija.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li din l-attività hija waħda mid-diversi attivitajiet kulturali mtella’ mill-Kunsilli Lokali li qed jiġu sussidjati permezz ta’ Skema Attivitajiet Kulturali għal din is-sena. Permezz ta’ din l-iskema, li hija ffinanzjata mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, ġie allokat fond ta’ €8,000 għall-attività ta’ Żejt iż-Żejtun ta’ din is-sena. Parnis qal ukoll li din l-attività se tkompli sservi biex tkompli tiġi promossa din il-Belt u l-aspett kulturali fi ħdanha, kemm fost il-Maltin u anki fost it-turisti. Is-Segretarju Parlamentari għalaq billi qal li huwa ta’ sodisfazzjon għalih li jara li dan il-Kunsill Lokali qiegħed jagħti s-sehem tiegħu fiż-żamma tat-tradizzjonijiet u fl-għarfien ta’ dak li huwa tipiku fiż-Żejtun.
Żejt iż-Żejtun se tittella’ fit-28 ta’ Settembru mis-19:30. Il-festeġġamenti jkomplu fid-29 ta’ Settembru li jinkludu t-tberik tal-annimali. Il-programm tal-Ħadd filgħodu jinkludi wkoll parata bil-karettuni, karozzini, serkini u żwiemel, li se titlaq minn quddiem Misraħ il-Madonna tal-Ħniena sa Misraħ San Girgor, fejn se jsir it-tberik. Wara se jkun hemm logħob tradizzjonali tat-tfal, żfin, arti, artġġjanat u programm mużikali mill-Banda Beland u l-Banda Żejtun.
Dan il-festival huwa appoġġjat mid-Diviżjoni tal-Gern Lokali, li taqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.