Ilħna mbiegħda jistgħu jintgħarfu fil-belt is-siekta mill-Ġimgħa 4 ta’ Ottubru. Dan hekk kif Palazzo de Piro fl-Imdina se jospita wirja tal-akwarell mill-artist Malti, Paul Caruana. Il-wirja, li tibqa’ miftuħa sal-aħħar t’Ottubru, jisimha ‘Ilħna li Nara’ u ser tinfetaħ mill-President Emeritus Dr Ugo Mifsud Bonnici. Il-wirja tinkludi 20 pittura ġdida bl-akkwarell li lkoll jirriflettu dwar memorji tat-tfulija tal-artist, ġrajjiet ta’ kuljum u karattri mill-irħula u bliet.
Caruana qal: “‘Ilħna li Nara’ huwa tentattiv biex jingħataw ħajja mill-ġdid karattri partikolari u każijiet memorabbli minn tfuliti, tifkiriet li nista’ niftakar b’mod ċar iżda li ma nistax nisma’ aktar. Permezz ta’ dawn il-pitturi, qed nittama li jnisslu tbissima minn dawk li huma kbar biżżejjed biex ikollhom memorji tal-imgħoddi, filwaqt li nipprovdi lill-ġenerazzjonijiet iżgħar bi preżentazzjoni viżwali ta’ kif fl-imgħoddi, il-ħajja kienet aktar sempliċi, iżda xorta waħda kkulurita.”
Il-wirja ‘Seeing Voices’ hi t-tlettax-il wirja li Caruana qed itella’ waħdu. L-aħħar wirja li kien għamel, bl-isem ‘Ħrejjef ta’ Veru’ kienet fl-2017 f’Palazzo de Piro.
Sa minn ċkunitu Paul Caruana dejjem kien artist iddedikat għall-akwarelli u ħa sehem ukoll f’għadd ta’ wirjiet kollettivi f’Malta u f’oħrajn internazzjonali. Studja l-arti fl-iskejjel tal-gvern taħt il-gwida ta’ Antoine Camilleri, Harry Alden u Anthony Degiovanni. Caruana pitter f’għadd ta’ pubblikazzjonijiet dwar il-belt Valletta, fosthom il-karattri fil-ktieb ta’ George Cini dwar Strada Stretta.
Il-wirja ‘Seeing Voices’ għandha l-appoġġ ta’ BPC International, Palazzo de Piro, Infinitely Xara, u Gemelli Framing.