Il-Gvern Ingliż formalment qal li l-Iran huwa responsabbli għall-attakki fuq faċilitajiet internazzjonali taż-żejt fl-Arabja Sawdija, biex b’hekk żdiedet il-possibbiltà li r-Renju Unit ukoll ikun parti minn azzjonijiet militari fil-Lvant Nofsani. Il-Prim Ministru Boris Johnson qal li li r-reġim f’Tehran x’aktarx ordna u mexxa dawn l-attakki, li waslu għal żieda ta’ madwar ħmistax fil-mija fil-prezz internazzjonali taż-żejt.
Lejlet l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fi New York, il-Prim Ministru Ingliż qal li jrid li jitnaqqsu t-tensjonijiet li bħalissa hemm bejn bosta pajjiżi, iżda ma ċaħadx li pajjiżu jkun parti minn azzjoni militari kkordinata fuq il-Lvant Nofsani jekk jintalab jagħmel dan.