Tfajla ta’ sbatax -il sena tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku dalgħodu fi Triq Mikiel Anton Vassalli. It-tfajla kienet fil-karozza ma’ ħuha li għal xi raġuni tilef il-kontroll u baqa’ dieħel f’ħajt. Fil-karozza kien hemm passiġġier ieħor li flimkien mas-sewwieq ittieħed l-isptar Mater Dei. Il-kundizzjoni tagħha għadha mhix magħrufa.
DWAR DAN L-INĊIDENT IL-PULIZIJA BAGĦTET DIN L-ISTQARRIJA
Kmieni dalgħodu għall-ħabta tal-ħamsa (05000hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident stradali fi Triq Mikiel Anton Vassalli, fil-limiti tal-Kappara (Tas-Sliema).
Il-Pulizija mill-Għassa ta’ Tas-Sliema marret minnufih fuq il-post fejn hemmhekk ġiet innutata vettura tat-tip Toyota Vitz b’xi ħsarat. Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija jidher li waqt li l-vettura kienet qed tiġi misjuqa direzzjoni minn San Ġiljan lejn Tas-Sliema, is-sewwieq – ġuvni ta’ 23 residenti Ħal Balzan għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu u kellu impatt l-ewwel aktarx ma’ ħajt u sussegwentement ma’ vettura oħra. Passiġġiera fil-vettura kien hemm żewġ persuni oħra, oħt is-sewwieq li għandha 17-il sena u ġuvni Daniż ta’ 18-il sena, it-tnejn residenti wkoll Ħal Balzan.
Fuq il-post issejjaħ team mediku mill-Isptar Mater Dei. Sfortunatament, it-tfajla sofriet ġrieħi serji u tilfet ħajjitha fuq il-post.
Filwaqt li ż-żewġ ġuvintur ittieħdu l-Isptar sabiex jingħataw il-kura medika. Aktar tard il-Pulizija ġiet infurmata li l-ġuvni Daniż sofra ġrieħi ta’ natura ġravi, filwaqt li s-sewwieq ma’ sofra ebda ġrieħi.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D Frendo Dimech LLD li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
Intant, il-karreġġjati direzzjoni minn San Ġiljan lejn Tas-Sliema huma magħluqa għat-traffiku u ser jinżammu magħluqa għal xi ħin.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Ritratti: Nicole Buttigieg
https://youtu.be/FpjgNBSJ_6g