Mijiet ta’ Eġizzjani ħarġu jipprotestaw fi Pjazza Tahrir fil-belt Eġizzjana, il-Kajr. Gass ta’ dmugħ ġie sparat qalb il-folla biex jikkalmaw is-sitwazzjoni.
Minkejja dan it-tentattiv, id-dimostranti baqgħu jgħajtu biex iwarrab il-President Eġizzjan, Abdul Fattah al-Sisi. Dawn il-protesti qed isiru b’reazzjoni għall-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-konfront tal-Gvern imexxi mill-President Eġizzjan. Dawn huma l-ewwel protesti minn mindu al-Sisi ħa l-poter fl-2014.
Attur u negozjant Eġizzjan, Mohamed Ali, tefa’ numru ta’ filmati online fejn fihom jakkuża lill-President li qed jaħli flejjes kbar li jlaħqu l-miljuni f’residenzi u akkomodazzjonijiet lussużi, filwaqt li miljuni ta’ Eġizzjani qed jgħixu fil-faqar. Il-President al-Sisi ċaħad l-allegazzjonijiet kontrih u qal li dawn m’huma xejn ħlief gideb.