Il-President ta’ Malta nieda d-disa’ edizzjoni tal-inizjattiva ‘Nirriċikla għall-Istrina’, li nħolqot minn GreenPak bl-għan li jinġabru tunnellati kbar ta’ tappijiet kull sena ħalli jkunu riċiklati, u skont kemm jinġabru tappijiet, tingħata donazzjoni lill-MCCFF.
Fil-fatt, għal din il-kampanja jinġabru biss tappijiet ta’ fliexken tal-plastik, bħalma huma tappijiet tal-ilma, tas-softdrinks u juices u tal-jerry cans, kif ukoll tappijiet oħra tal-plastik li ma jkunx fihom kartuna jew fojl fuq ġewwa.
Aktar minn 55 tunnellata ta’ tappijiet tal-plastik inġabru s-sena l-oħra permezz ta’ din l-inizjattiva. B’riżultat ta’ dan, ingħatat donazzjoni ta’ €21,000 lill-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF).
Daqstant ieħor importanti hi ż-żieda fl-għarfien tal-ħtieġa urġenti li nirriċiklaw il-plastik li, sena wara sena qed tkompli titqajjem kuxjenza dwarha anke permezz ta’ din l-inizjattiva. Fil-fatt, is-sena l-oħra, ħadu sehem 132 skola, 19-il kunsill lokali, u 42 kumpanija, każini, ristoranti, barijiet u għaqdiet.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ingħataw id-dettalji dwar din l-inizjattiva, li qed issir b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima.
“Qed nilħqu ngħinu lil min hu fil-bżonn, u li nirriċiklaw dawn it-tappijiet tal-plastik sabiex nevitaw li dawn jintremew barra, u b’hekk nkunu qegħdin nibżgħu għall-ambjent ta’ madwarna”, qalil-Kap Eżekuttiv ta’ GreenPak, l-Inġinier Mario Schembri.
Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera qal li “għal sena oħra din il-kampanja ser tkompli tgħin lill-ministeru jkompli jwassal il-messaġġ sabiex nirriċiklaw l-plastik. Inħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd f’din l-inizjattiva.”
Fid-diskors tiegħu, il-President George Vella qal li din l-inizjattiva għandha għan doppju. “L-ewwel konsiderazzjoni hi ambjentali, hekk kif irid jiġi eliminat is-single-use plastic, filwaqt li t-tieni għan hu l-aspett ta’ għajnuna soċjali, hekk kif il-Malta Community Chest Fund Foundation trid tkun f’pożizzjoni li tassisti lil dawk li jirrikorru għall-għajnuna.”
Kull min jixtieq jieħu sehem f’din l-inizjattiva jista’ jirreġistra fuq mccf.store, filwaqt li fuq is-sit elettroniku www.greenpak.com.mt/collection-points-istrina hemm tagħrif dwar il-positijiet fejn jistgħu jittieħdu t-tappijiet.
Kull istituzzjoni, kumpanija jew għaqda li tixtieq tissieħeb fl-edizzjoni ta’ din is-sena tista’ tikkuntattja lill-GreenPak billi żżur il-website ta’ GreenPak www.greenpak.com.mt jew iċċempel fuq: 2166 0233.