Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li hemm bżonn li tissaħħaħ il-kultura sportiva fost it-tfal Għawdxin u kien għalhekk li għal darba oħra l-Ministeru għal Għawdex ta sussidju ta’ nofs prezz għal dawk kollha li attendew Summer on the Move.
Madwar 200 tifel u tifla attendew għal 10 ġimgħat ta’ taħriġ kuljum fil-Gozo Sports Complex fi 28 dixxiplina differenti mħarrġa minn 19-il kowċ kollha kwalifikati. Kollox kien koordinat mill-ħaddiema tal-Gozo Sports Board u ta’ SportsMalta.
Il-Ministru Justyne Caruana saħqet dwar l-importanza li t tfal ikunu involuti fl-isports u fl-attività fiżika u għalhekk għandna nkomplu ninkoraġġixxu lit-tfal tagħna biex jieħdu sehem attiv f’attivitajiet sportivi għall-ġid tagħhom u għall-ġid tal-komunità Għawdxija.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm preżenti l-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Sports Board Alvin Grech, il-President tal-Bord Sean Daly u l-Koordinatur ta’ Summer on the Move u s-Segretarju tal-Bord Joe Bajada.