F’anqas minn ġimgħa mindu l-Gven nieda app għall-proposti tal-baġit għoxrin għoxrin, il-Ministeru għall-Finanzi waslulu aktar minn 850 suġġeriment.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-proposti qed jiġu studjati u dawk fattibbli jistgħu jsibu ruħhom fil-baġit li se jitħabbar fl-14 ta’ Ottubru li ġej.
“Min ifaħħar, min jgħid li għandu ‘issue’, liem aspetti l-iktar li jinkwetahom. Jiġifieri tagħti stampa overall, imbagħad għandek inizjattivi li jkunu ħasbuhom sew illi l-ministeru jistudjahom u jekk huma tajbin idaħħalhom ukoll fil-budget.”
Il-Ministru Scicluna qal dan waqt żjara li għamel fil-bini tal-kumpanija Centrecom fil-Mosta li jinsab għaddej bi tħejjijiet biex mill-għada tal-budget tibda tingħata għajnuna dwar il-ħemel ta’ miżuri soċjali u ekonomiċi mħabbru.
Il-General Manager tal-kumpanija Robert Spiteri qal li bħalissa jinsabu mgħobbijin bix-xogħol, l-aktar il-ħaddiema li se jgħinu lill-pubbliku meta jċempel fuq il-helpline tal-budget.
“L-aġenti tagħna jibdew jiġu mħarrġa fuq il-miżuri tal-budget ħmistax qabel ma jiġi mħabbar il-budget, closer to the date l-aġenti tagħna jerġgħu jieħdu training iktar intensiv fuq il-miżuri li jkunu se jkunu mħabbra waqt il-budget speech.”
Il-Ministru Edward Scicluna qal li din il-kumpanija hija sħubija bejn l-Air Malta u l-privat li toffri servizz ta’ front u back office kemm lill-kumpaniji governattivi bħal dak tat-taxxa u kemm kumpaniji internazzjonali.
Qal li ħafna mill-ħaddiema jilbsu ż-żarbun tal-Gvern biex jagħtu l-għajnuna lill-pubbliku u għalhekk huma wkoll isiru ħolqa oħra importanti fil-komunikazzjoni tal-budget.