Malta hija fost l-inqas pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li għandha ħaddiema jaħdmu part time għax ma fost oħrajn ma jistgħux isibu impjieg full-time.
Dan joħroġ minn statistika tal-EUROSTAT li turi li matul is-sena li għaddiet, kienu biss għaxra fil-mija tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol ta’ pajjiżna li kienu kostretti jaħdmu f’impjieg part time għax m’hemmx xogħol għalihom full time. Dan meta l-medja hija ta’ sitta u għoxrin fil-mija.
L-iktar pajjiżi b’rata għolja ta’ ħaddiema bejn l-għoxrin u l-erbgħa u sittin sena li jaħdmu part-time għax m’hemmx xogħol full-time għalihom jew għax il-pajjiż ma joffrix faċilitajiet ta’ ċentri għall-ħarsien ta’ tfal b’xejn kif joffri pajjiżna huma l-Greċja, l-Italja u Ċipru. L-inqas pajjiż b’din ir-rata huwa l-Estonja.
Din l-istatistika ssegwi oħra li ħarġet il-EUROSTAT dwar in-numru ta’ persuni qiegħda sal-aħħar ta’ Lulju li għadda. Fil-fatt Malta għandha r-raba’ l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Ir-rata ta’ persuni jfittxu x-xogħol f’Malta kienet ta’ tlieta punt erbgħa fil-mija.
Kienu biss il-Polonja, il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka li kellhom rata ta’ qgħad ftit inqas minn ta’ Malta.